Nhar il-Ħadd, 21 ta’ Novembru, 2010, se tiġi organizzata ċ-ċelebrazzjoni Djoċesana fl-okkażjoni tal-festa ta’ Kristu Re. It-tema għal din is-sena hi “Ilqa’ l-isfida: ġib il-faqar fix-xejn”, bbażata fuq it-tema Ewropea għal din is-sena għall-ġlieda kontra l-faqar u l-eskluzjoni soċjali. Is-Segretarju Pastorali, Fr Charles Cordina, spjega li “t-tema taċ-ċelebrazzjonijiet annwali ta’ Kristu Re tkun msawra fuq aspett socjali li l-Knisja tixtieq titfa dawl fuqu. Huwa propju għalhekk li għal din l-attivita’ jiġu mistiedna mhux biss l-Insara kollha iżda wkoll l-awtoritajiet ċivili”.
Il-programm jinkludi animazzjoni ta’ kant, feature bbażat fuq l-istess tema, li se jiġi mtella mis-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karita (Caritas Malta) u messaġġ mill-Arċisqof Pawlu Cremona OP li jispira ruħu mit-tema għal din is-sena. Din iċ-ċelebrazzjoni li tibda fl-4.30 p.m. se ssir quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal il-Ġdid. Kulħadd huwa mistieden li jattendi. Din l-attivita’ hija waħda minn żewġ ċelebrazzjonijiet Djoċesani li jsiru kull sena.
Nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Novembrum 2010, l-adolexxenti ser jiftħu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Kristu Re permezz ta’ laqgħa msejħa ‘Meeteen’ li se ssir ġewwa ċ-ċentru parrokkjali tal-Qawra/Buġibba. Din l-attivita’ annwali ġġib flimkien mijiet ta’ adolexxenti ta’ bejn 12 u 16-il sena għall-serata unika. Il-format ta’ ‘Meeteen’ jinbidel kull sena; din id-darba il-programm se joħloq esperjenza qawwija ta’ tfittxija u skambju bejn l-adolexxenti.
Is-saċerdot żagħżugħ Fr Robert Galea, flimkien mal-Pre-Youths tal-Qawra/Bugibba, se jmexxu l-programm permezz tal-mużika u t-testimonjanzi. L-Arċisqof Pawlu Cremona se jkun preżenti biex “jixhed l-entużjasmu” tal-adolexxenti. Din l-edizzjoni ta’ Meeteen qed tiġi mtella’ b’kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni Djoċesana Żgħazagħ (KDZ), is-Segretarjat għall-Katekeżi u l-Parroċċa Qawra-Buġibba.
L-Għada, is-Sibt 20 ta’ Novembru, l-Arċisqof Pawlu Cremona se jiltaqa’ wkoll mat-tfal f’attivita’ li prinċipalment tinkludi ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkarsitija mtella’ u animata mit-tfal membri tal-Kummissjoni Djoċesana Tfal (KDT). Din hi attivita’ oħra bi tħejjija għall-festa ta’ Kristu Re. L-attivita’ tibda fl-4.00 p.m. fil-gymasium tal-Kulleġġ De La Salle, Kottonera. Għal din iċ-ċelebrazzjoni li qed ssir ukoll fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tat-Tfal li jiġi ċċelebrat dakinhar se tattendi l-Kummisarju tat-Tfal, s-Sinjura Helen D’Amato.