• ***

    Direttur: Neill Bloomkamp

    Atturi: Sharlto Copley, Dev Patel, Watkin Tudor Jones, Yolandi Visser, Jose Pablo Cantillo, Sigourney Weaver u Hugh Jackman

    Ħin tal-Film: 120 min

    Klassifika taċ-Ċensura: 15

    Klasifika tal-Knisja: 18

    Bi sforz  biex titnaqqas il-mewġa ta’ kriminalita` ġewwa Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel, l-awtorita`,  għaż-żamma tal-paċi xtrat mingħand il-kumpanija Tetravaal, numru tar-robots armati biex igħinu lill-pulizija. Dan l-esperiment irnexxa mija fil-mija u n-numru ta’ każijiet vjolenti naqsu ħafna. L-inventatur Deon Wilson jiġi mfaħħar għall-invenzjoni li wettaq iżda dan is-suċċess witta t-triq għall-enġineer Vincent Moore biex jibda jobgħod lil Deon wara li r-robot Moose li kien qiegħed jibni twaqqfulu l-fondi. Deon baqa’ jesperimenta u fid-dar ħoloq prototip ta’ intelliġenza artifiċjali li permezz  tagħha r-robots ikunu jistgħu wkoll  iħossu emozzjonijiet u li jkollhom ukoll opinjonijiet tagħhom. Sfortunatament Michelle Bradley, is-CEO ta’ Tetraval,  irrifjutat li Deon jesperimenta din l-invenzjoni fuq robot pulizjesk. Deon ma jaqtax qalbu u hekk kif wieħed minn dawn ir-robots isoffri ħsara kbira, Deon jiddeċiedi li ‘jisraq’ dan ir-robot. Sfortunatament fi triqtu lejn id-dar jinħataf minn grupp ta’ kriminali, Ninja, Yolandi u Amerika li jhedduh li joqtluh jekk ma jipprogrammax ir-robot biex ikun jista’ jiġġieled għalihom. Deon jirnexxielu li jerġa jgħati ħajja lil robot li jibda jirrispondi qiesu tifel zgħir. Amerika anke itih l-isem ta’ Chappie. Disgrazzjatament  dan il-gang kellu jgħati somma kbira ta’ għoxrin miljun dollaru lil “Hippo”, kriminal mill-kbar. X’sehem sejjer ikollhom Deon u Chappie f’din il-qagħda perikoluza li qatt ma stennew li jidħlu fiha? X’kien qiegħed jippjana Vincent Moore biex jiskredita lil Deon?

    Film ta’ fantaxjenza, taħt id-direzzjoni ta’ Neil Blomkamp u kitba ta’ Blomkamp u Terri Tatchell ilaqqagħna mal-inventatur Deon Wilson u l-kreatura tiegħu, ir-robot Chappie. Film mimli azzjoni li jħallik bla nifs. Minħabba vjolenza mdemmija, kliem goff u profan, kif ukoll  deskrizzjoni negattiva tal-kristjanita`, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.