Nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Marzu 2016, sar servizz penitenzjali għaż-żgħażagħ u l-adulti f’ċelebrazzjoni ta’ talb u maħfra, permezz tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, organizzat mis-Seminaristi, fis-Seminarju tal-Arċisqof. Dan is-servizz penitenzjali, bl-isem ta’ ‘Jiena Naħfirlek’, kien jinkludi l-kontribut tal-Y4J Band. Wara, beda pellegrinaġġ fit-toroq tar-Rabat u l-Imdina b’kurċifiss impitter apposta għall-okkażjoni mill-artist u seminarista David Borg, b’innijiet tal-Mixja Neo-Katekumenali. Il-pellegrinaġġ intemm fil-Bieb tal-Ħniena tal-Katidral tal-Imdina u b’Barka Sagramentali. Din l-attivita’ kienet parti mill-’24 siegħa għall-Mulej’: ċelebrazzjoni Universali marbuta mal-Ġublew tal-Ħniena.