L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Nixtieq li magħkom nirringrazzja lil Alla għal dawn id-90 sena ta’ Azzjoni Kattolika f’Malta.  Speċjalment għall-ġid li l-Azzjoni Kattolika għamlet fis-soċjetà Maltija kemm f’ħidma diretta, bħalma hi l-ħidma fil-qasam tad-djakonija, imma wkoll bil-formazzjoni ta’ nies li mbagħad kienu għas-socjetà Maltija bħall-melħ li jagħti t-togħma u bħal dawl li juri t-triq anke f’mumenti ta’ dlam. Nies iffurmati li għamlu differenza fis-soċjetà Maltija tul is-snin.

L-Azzjoni Kattolika kienet imħeġġa kważi 200 sena ilu minn Papa Piju XI, fl-Enċiklika Ubi Arcano (1922), meta sejjaħ lill-Azzjoni Kattolika biex tagħti sehemha fl-appostolat tal-Knisja. F’Malta, l-Azzjoni Kattolika bdiet b’inizjattiva ta’ saċerdoti li kienu jaħdmu ma’ gruppi ta’ żgħażagħ, u żviluppat matul is-snin.

Nixtieq nitkellem fuq il-bżonn ta’ formazzjoni, għaliex il-ġid li għamlet l-Azzjoni Kattolika hu l-aktar riżultat tal-formazzjoni li tat għall-ħajja Nisranija. Se nieħu l-erba’ punti li qegħdin fil-Pjan tal-Azzjoni Kattolika Maltija, imsejħin bħala kolonni prinċipali tal-formazzjoni tal-membri tal-Azzjoni Kattolika biex jikbru fl-attitudnjiet biex inkunu dixxipli-missjunarji ta’ Kristu llum.

Interjorità

L-ewwel ma tissemma’ hi l-interjorità. Tfisser l-importanza tal-ħajja interjuri, tal-qalb, li tkun ħaġa waħda ma’ Alla. Għalhekk il-formazzjoni spiritwali. Kemm hi importanti l-formazzjoni spiritwali ta’ kull wieħed u waħda minna għax tqiegħed l-għeruq fejn għandhom ikunu!

Ġesu jitkellem fuq il-qalb. Jgħid li mill-qalb joħorġu kemm l-affarijiet tajbin kif ukoll il-ħżiena, bħalma jsemmi fl-Evanġelju llum. Messaġġ importanti hu li aħna nkunu ffurmati biex il-qalb tagħna tkun tħabbat mal-qalb ta’ Ġesù, u dak li nagħmlu jkun ħiereġ minn formazzjoni li għandha l-għeruq f’posthom.

Fraternità

It-tieni punti li jsemmi l-Pjan hu li aħna niffurmaw ruħna bħala aħwa fi fraternità. Għalhekk li l-Azzjoni Kattolika u kull grupp fi ħdanha jkunu strumenti ta’ għaqda, u jgħaqqdu flimkien lill-membri fl-attenzjoni lejn il-bżonnijiet ta’ xulxin, l-akkumpanjament ta’ xulxin, l-imħabba lejn xulxin. U li nkunu strumenti ta’ għaqda fis-soċjetà llum speċjalment fil-kliem li ngħidu ma’ xulxin u fuq xulxin, li jistgħu jkunu żerriegħa ta’ mħabba u ta’ paċi; jew inkella, jistgħu jkunu żerriegħa ta’ mibegħda u konflitti. Għalhekk Ġesu jgħid fl-Evanġelju li m’hemmx għalfejn toqtol biex tkun għamilt xi ħaġa ħażina, imma anke jekk iżżomm il-korla f’qalbek għal ħuk, jekk ikollok il-mibegħda f’qalbek u tiżra’ l-mibegħda – dak ukoll ħażin!

L-Azzjoni Kattolika tifforma Nsara li jkunu strumenti ta’ paċi, mħabba u għaqda fil-kliem u fl-għemil tagħhom.

Responsabbiltà

It-tielet hi r-reponsabbiltà: il-bżonn li aħna nkunu ffurmati f’nies responsabbli. Il-ħajja Nisranija, meta neħduha bis-serjetà, tagħmilna nies responsabbli.

Ħa nsemmi ħaġa importanti fis-soċjetà llum: li nkunu kapaċi nerfgħu r-responsabbiltà tagħna, mhux nitfgħuha fuq ħaddieħor. Ġesu jgħid fl-Evanġelju li d-diskors tagħna għandu jkun iva iva, le le. Mhux iva għax ta’ fuqi qalli ngħid iva, anke jekk mhux veru.

Dak li jgħid Ġesù jfisser li ma nkunx lest li nagħmel dak li jgħidli ħaddieħor jekk dan ikun ta’ dannu u jmur kontra l-prinċipji tiegħi. Din hi importanti ħafna fis-soċjetà Maltija llum. M’għandniex bżonn provi, għax kuljum ikollna, ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà. Minħabba f’hekk ikun hemm katina ta’ dannu għas-soċjetà.

Iktar ma l-Azzjoni Kattolika tgħin lin-nies biex ikunu nies ta’ prinċipju li l-abjad jgħidulu abjad u l-iswed iswed, nies ta’ integrità, ta’ ħidma għal ġustizzja vera, iktar l-Azzjoni Kattolika tilħaq l-iskop tagħha fis-soċjetà tal-lum.

Ekkleżjalità

Ir-raba’, l-ekkleżjalità: is-sehem li tagħti l-Azzjoni Kattolika fi ħdan il-Knisja. Hi ħaġa sabiħa ħafna li tara gruppi tal-Azzjoni Kattolika li għandhom f’moħħhom u f’qalbhom il-ġid tal-Knisja kollha. Għalhekk is-sehem li jagħtu hu biex il-Knisja iktar tilħaq l-għan tagħha u taqdi l-missjoni tagħha.

Hi sabiħa li kemm fil-parroċċi kif ukoll fid-djoċesi l-Azzjoni Kattolika tkompli tifforma nies li jkunu lesti jagħtu l-kontribut tagħhom għall-ġid tal-Knisja kollha.

Insemmi, bħala eżempju, il-qasam tad-djakonija. L-Azzjoni Kattolika tgħin lill-Knisja f’Malta tara l-bżonn ta’ djakonija – ta’ servizz u qadi lejn l-oħrajn, speċjalment dawk li huma l-iktar fil-bżonn u vulnerabbli fis-soċjetà llum.

Ħarsa ’l quddiem

Nixtieq, u għal dan se nitlob f’din il-quddiesa, li l-Azzjoni Kattolika tkompli tifforma nies speċjalment f’dawn l-erba’ oqsma li l-Pjan stess tal-Azzjoni Kattolika indika għaliha u għall-membri tagħha.

Irridu niftakru li meta nsemmu dawn l-erba’ punti, tant huma meħteġa fis-soċjetà llum għax it-tentazzjoni hi li mmorru eżatt kontrihom. Flok li nagħfsu fuq il-ħajja interjuri, it-tentazzjoni hi li nkunu superfiċjali. Flok il-fraternità, it-tentazzjoni hi li nkunu strumenti ta’ diviżjoni u ta’ mibegħda. Flok ir-responsabbiltà, it-tentazzjoni hi li nfittxu l-interessi individwali tagħna. Flok l-ekkleżjalità, it-tentazzjoni hi li niffurmaw gruppi b’mentalità settarja li ma tarax il-ġid tal-Knisja kollha.

Nirringrazzja ħafna lill-Azzjoni Kattolika Maltija tal-ġid li għamlet u qed tkompli tagħmel. Nawgura li l-Azzjoni Kattolika tkompli miexja skont il-Pjan tagħha stess, li hu espressjoni sabiħa ta’ dak li l-Knisja f’Malta tixtieq minnha llum.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti