• Carrie

  • **

    Direttur:        Kimberly Peirce
    Atturi:            Chloe Grace Moretz, Julianne Moore, Gabriella Wilde
    Ħin:                100 minuti.
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 15
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Carrie White hija tfajla fi skola sekondarja; hija mistħija ħafna u magħluqa fiha nfisha, u m’għandhiex ħbieb. Meta darba waħda, wara l-klassi tal-gym, jiġiha l-period l-ewwel darba u taħseb li se titlef demmha kollu u se tmut sħabha l-oħra jidħqu biha u jwaqqawha għaċ-ċajt. L-iktar waħda li tgħaddi ż-żmien biha hi Chris Hargensen li tiġbed dak li jkun qed jiġri u titfgħu fuq il-YouTube. Tfajla oħra, iżda, Sue Snell, jiddispjaċiha għal dak li jkunu qed iġgħalu lil Carrie issofri u tipprova tgħinha. L-għalliema tal-gym, Ms Desjardin, tgħid lil Chris li mhux se tkun tista’ tieħu sehem fil-lejla ta’ żfin –il-prom night – bħala kastig, filwaqt li Tommy Ross jistieden lil Carrie biex tmur miegħu għal prom. Chris tirrabja ħafna u tibda tippjana vendetta. Carrie jkollha ħajja skabruża d-dar fejn tkun iddominatha minn ommha, Margaret, li tkun reliġjuża fanatika. Carrie tiskopri li għandha l-ħila li tmexxi l-affarijiet fejn trid hi sempliċement billi tipponta idejha jew tħares lejhom. Meta tasal il-lejla tal-prom Carrie tkun imħejjija sew biex tisvoga r-rabja kollha li jkollha ġewwa fiha.
     
    Film tal-biża’, li hu verżjoni ġdida tal-film bl-istess isem li ħareg fl-1976 dirett minn Brian De Palma. Għalkemm l-film oriġinali, ibbażat fuq il-ktieb ta’ Stephen King, kien fih id-difetti tiegħu, dan il-film ikompli jgħarraqhom flok jirranġhom. Minkejja dan, il-protoganista, Chloe Grace Moretz, taħdem parti tajba ħafna. Il-film fih ħafna vjolenza mdemmija, xi xeni skabrużi u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena