Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret nhar il-Ħamis 30 ta’ Settembru dwar il-Baġit 2022, bi stedina tal-Prim Ministru Dr Robert Abela, u li fiha attendew rappreżentati ta’ għaqdiet oħra kif ukoll il-Ministri Dr Michael Falzon, Roderick Galdes u Julia Farrugia Portelli – Caritas Malta pproponiet lista ta’ miżuri favur il-ġustizzja soċjali, l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Sfond għar-Rakkomandazzjonijiet
Iktar kmieni din is-sena Caritas Malta ppubblikat it-tielet edizzjoni ta’ A minimum Essential Budget for a Decent Living 2020 (MEBDL 2020) li flimkien mal-ispiża ta’ basket bażiku għal tliet tipi ta’ familja, jelenka diversi miżuri.Matul is-sena dan l-istudju ġie ppreżentat lil diversi ministeri varji fosthom: il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli; il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali u Solidarjetà, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, kif ukoll diveri istituzzjonijiet u msieħba soċjali.
Fl-istudju Caritas Malta tidentifika tliet tipi ta’ familji u tikkalkula basket ta’ oġġetti u servizzi essenzjali biex jgħixu b’mod diċenti f’Malta. It-totali annwali għall-MEBDL 2020 huma: €13,946.78 għal familja li tinkludi żewġ adulti u żewġt itfal; €11,038.12 għal familja li tinkludi ġenitur waħdu u żewġt itfal; u €8,156.57 għal familja li tinkludi koppja anzjana (65+). Caritas Malta kkalkulat ukoll basket miżjud li jinkludi kiri ta’ post privat, karozza u ikel minn barra (ristoranti). Fil-basket miżjud l-akkomodazzjoni soċjali ġiet sostitwita b’kiri mis-settur privat b’rati kummerċjali. It-trasport pubbliku ma tneħħiex mill-basket. Il-kombinazzjoni tal-ispiża tal-użu ta’ karozza privata mal-ikla barra d-dar f’ristorant fuq bażi regolari żżid it-total tal-basket bażiku annwali b’madwar €1,700 sa €1,900. Madankollu, meta wieħed iżid il-kera kummerċjali, din iżid l-ispiża tal-basket b’mod sinifikanti, u jirriżulta żieda ta’ madwar €18,000 fis-sena għall-koppja anzjana; €22,000 fis-sena għall-familja ta’ adult wieħed u żewġt itfal; u €25,000 għall-familja b’żewġ adulti u żewġt itfal.
Rakkomandazzjonijiet
Il-problema tal-faqar hi waħda kumplessa li teħtieġ soluzzjonijiet konkreti. Għalkemm il-benefiċċji soċjali jgħinu fit-tnaqqis tal-faqar, weħidhom ma jeqirdux il-faqar. Il-policies soċjali u l-implimentazzjoni tagħhom jeħtieġ li jindirizzaw b’mod adegwat is-soċjetà Maltija li qed tinbidel, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija.
Caritas Malta tirrikonoxxi li l-Gvern Malti qed jagħmel l-almu tiegħu biex jipproteġi lil dawk kollha li huma vulnerabbli, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija fejn l-awtoritajiet urew qalb soċjali ma’ min hu batut. Diversi miżuri soċjali, benefiċċji u skemi tal-Housing wasslu biex titaffa tbatija u biex ukoll jinżamm f’livell baxx il-persuni li jesperjenzaw deprivazzjoni materjali severa. Fl-istess waqt iċ-ċirkustanza preżenti u l-isfidi ekonomiċi qed joħolqu diffikultajiet ġodda għal faxex bi dħul baxx jew f’qagħda soċjali prekarja. Jeżistu wkoll faxex li ma jidhrux fl-istatistika għax mhumiex reġistrati b’karta ta’ identità uffiċjali li qed jgħixu f’qagħda prekarja u xi drabi anke f’faqar assolut. Dawn jinkludu persuni li qed jistennew ażil u persuni bla saqaf fuq rashom.
Caritas Malta tressaq dawn il-proposti biex jiġu megħjuna dawk li jinsabu l-aktar fil-bżonn (‘working poor’, persuni f’impjieg prekarju u dawk qiegħda, partikolarment familji bi tfal, anzjani, morda, persuni b’diżabbiltà, persuni bla dar u immigranti). Qed jiġu ssuġġerieti dawn ir-rakkommandazzjonijiet:
- Titwaqqaf sistema ta’ karta ta’ identità uffiċjali b’indirizz temporanju għal persuni li huma bla saqaf fuq rashom biex ikunu jistgħu jaċċessaw assistenza soċjali, servizzi mediċi, benefiċċji oħra kif ukoll japplikaw għax-xogħol.
- ‘flus diġitali’ (digital cash) għal dawk li għandhom dħul baxx. Hekk kif is-soċjetà timxi ’l quddiem fil-progress, hemm oħrajn li jaqgħu lura, filwaqt li ma jkollhomx aċċess għall-għodod finanzjarji li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. B’kuntrast, COVID-19 wera li l-gvernijiet madwar id-dinja tħabtu biex iwasslu l-flus kontanti lil diversi setturi. Flus diġitali mmirati direttament lejn dan is-settur issa jinsab fuq l-aġenda għal bosta banek ċentrali madwar id-dinja. Malta u pajjiżi oħra iżgħar jistgħu jkunu minn ta’ quddiem f’dan billi jibnu proposta għal flus kontanti diġitali li jitpoġġew fuq smartphones jew cards biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċjali tas-settur tagħha bħall-inizjattiva implimentata ta’ digital wallet bi skema ta’ vawċers f’dan iż-żmien ta’ pandemija;
- ‘second time buyers’ li mhumiex jixtru proprjetà għall-investiment personali tagħhom, iħallsu biss 10% tal-proprjetà. Jekk il-Bank Ċentrali jikkunsidra dan, persuni bi dħul baxx li jisseparaw ikunu jistgħu jakkwistaw il-proprjetà tagħhom. Nipproponu wkoll li ‘second time buyers’, ladarba mhumiex jixtru proprjetà għall-investiment, iħallsu wkoll 1.5% tat-taxxa, kif tinsab bħalissa fi żmien il-pandemija;
- għall-immigranti li jinsabu f’qagħda prekarja u li huma f’pożizzjoni li jaħdmu u jikkontribbwixxu għall-ekonomija, titnaqqas il-burokrazija biex dawn jingħataw permess tax-xogħol adegwat biex ikunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol b’mod legali. Dan speċjalment fid-dawl ta’ nuqqasijiet ta’ ħaddiema f’diversi setturi u l-abbuż sfaċċat li qed isir min dawn il-persuni
- Għall-immigranti jinħass bżonn urġenti ta’ programm ta’ integrazzjoni fiċ-soċjetà Maltija inkluż tagħlim tal-Malti u l-Ingliż, tagħlim dwar il-kultura u inizjattivi oħra biex tgħin lil dawn il-persuni jkunu iktar integrati fil-komunitajiet tagħna.
- offrut servizz ta’ linja fissa b’xejn lid-djar kollha fejn hemm persuna anzjana waħda jew aktar (60+) li jgħixu b’mod indipendenti fid-dar tagħhom, u servizz ta’ Telecare Plus b’xejn lill-anzjani kollha (60+) li ma jgħixux waħedhom. Din l-għajnuna tkun ‘means tested’;
- issussidjar ta’ ikel san bħal ħaxix u frott; dan biex jgħin lill-poplu Malti jiekol iktar bnin u jimmotivah jixtri aktar dawn il-prodotti. Barra minn hekk, il-bdiewa Maltin isalvaw il-prodott lokali tagħhom;
- riveduta Scheme 9 biex tfal eliġibbli għal dan is-servizz ta’ appoġġ ikunu jistgħu għal darb’oħra jerġgħu jibbenefikaw minn ikla ta’ nofsinhar, stationary u uniformi ġdida;
- Jiġi rivedut il-mekkaniżmu ta’ kif tinħadem il-COLA (Cost of Living Adjustment) peress li din meta tinħadem ma tagħmilx distinzjoni bejn dawk bi dħul baxx u dħul għoli. Fil-basket bażiku skont (MEBDL 2020) 50% ta’ dan il-basket huma prodotti tal-ikel. L-ikel jibqa’ fost l-iktar kategoriji ta’ prodotti li għandhom rata għolja ta’ inflazzjoni (għoli tal-ħajja).
- Jitwaqqaf istitut ta’ riċerka nazzjonali fuq il-faqar u l-ġustizzja soċjali u jsiru diversi studji dwar reference budgets għal diversi tipi ta’ familji, partikolarment dawk li għandhom dħul baxx u huma l-aktar f’riskju ta’ faqar.
Għal aktar rakkommandazzjonijiet, agħfas hawn. B’dawn ir-rakkommandazzjonijiet proposti minn Caritas Malta ta’ qabel il-Baġit 2022 tkompli tissaħħaħ il-fehma li kull persuna għandha dritt għal dħul adegwat għal ħajja dinjituża. Dawn ir-rakkommandazzjonijiet huma immirati lejn katergoriji ta’ nies li huma l-iktar vulnerabbli u li fihom titqies is-sostenibbiltà ekonomika, tas-saħħa u anke tal-ambjent naturali.