Fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, li għal dawn l-aħħar ħames snin ospitat l-ikla tal-Milied għal dawk li jinsabu weħidhom jew b’nuqqas ta’ mezzi, dalgħodu tħabbru l-inizjattivi l-ġodda ta’ Caritas għal Jum il-Milied.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, semma it-tliet ġesti ta’ mħabba li Caritas se tkun qed tagħmel din is-sena b’differenza ma’ dak li sar fl-aħħar snin fejn il-kurituri tal-Kurja laqgħu ’l fuq minn 650 persuna li jinsabu weħidhom jew m’għandhomx il-mezzi biex jagħmlu l-ikla tal-Milied.
“Il-pandemija COVID-19 ġabet diffikultajiet varji, u din is-sena, iktar minn qatt qabel, dawk li jinsabu weħidhom għandhom bżonn akkumpanjament. Permezz ta’ The Alfred Mizzi Foundation, il-voluntiera se jwasslu ikla bnina lil dawk li minħabba problemi ta’ saħħa jew saħħa mentali ma jistgħux jippreparaw l-ikel tagħhom. Qed naħdmu id f’id mal-kappillani, St Jeanne Antide Foundation, il-Millenium Chapel, Fondazzjoni Sebħ, Paolo Freire Institute, is-Segretarjat Assistenza Soċjali, kif ukoll flimkien ma’ network ta’ voluntiera li se jkunu qed iqassmu l-ikel bieb bieb,” qal is-Sur Gatt.
It-tieni ġest ta’ mħabba minn Caritas Malta jikkonsisti fi żjara u rigal lil dawk li jinsabu weħidhom, filwaqt li t-tielet ġest hu li dakinhar tal-Milied, bejn il-11am u l-12pm, il-voluntiera u l-istaff se jirrispondu t-telefonati u anke jċemplu lil persuni li m’għandhomx ma’ min iqattgħu dan il-jum.
Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar il-ħidma ta’ Caritas Malta li qal hija l-imħabba konkreta tal-Knisja li tasal f’tant oqsma tas-soċjetà Maltija. Hu rringrazzja lir-residenti fiċ-ċentri terapewtiċi kontra l-abbuż mid-droga mmexxija minn Caritas, li ħejjew il-kartolini tal-Milied li se jitqassmu mal-ikel lill-persuni weħidhom.
L-Arċisqof saħaq li: “Din is-sena qed inħossuna orfni li fil-Kurja mhux se jkollna l-opportunità nilqgħu lil tant persuni li jagħmlulna briju u jġibu l-ferħ. Iżda dak li sar fl-aħħar ħames snin m’għandniex nitilfuh, anzi għandna nagħmluh fil-familji tagħna. Nagħmlu atti ta’ mħabba ma’ xulxin billi nsegwu dak li qed jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa, u fl-istess ħin nużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni biex inkunu viċin xulxin”.
Julian Sammut, Chairperson ta’ The Alfred Mizzi Foundation qal li l-ikel li se jitqassam se jikkonsisti f’lasagna, dundjan mimli u panettone. Spjega kif l-ikel jgħaqqad flimkien in-nies permezz ta’ soċjalizzazzjoni u wkoll iġib il-ferħ. “Is-sodisfazzjon li għandna din is-sena hi li se nkunu qed nilħqu iktar persuni mis-soltu!” temm jgħid is-Sur Sammut.
Dan kollu se jkun possibbli grazzi għal diversi entitajiet, fosthom The Alfred Mizzi Foundation li għal dawn l-aħħar ħames snin ippreparat l-ikla fil-Kurja tal-Arċisqof u li kienet partner ma’ Caritas fis-Solidarity Meals.
L-Uffiċċju tal-President ta’ Malta se jkun qed jagħti ħlewwiet bħala rigal u se jieħu wkoll sehem ukoll fit-tqassim. Gormina Bakery u St Peter’s Foundation u Gasan Zammit qed jgħinu wkoll din l-inizjattiva ta’ Caritas.
Il-pubbliku hu mistieden jagħmel ġest ta’ mħabba ma’ persuni li jafu li għaddejjin minn xi diffikultajiet. Dawk li f’nhar il-Milied se jkunu weħidhom huma mħeġġa jinfurmaw minn issa lil Caritas Malta jew iċemplu nhar il-Milied fuq 21331000 biex jitkellmu ma’ persuni li qed jistennew it-telefonata tagħhom.