L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu” (Ġen 2:18). Dan il-kliem insibuh fil-ktieb tal-Ġenesi, fl-Iskrittura. Huwa kliem li qalu Alla fil-ħolqien, u huwa dan li l-Papa Franġisku ħa bħala t-titlu tal-messaġġ tiegħu għal Jum il-Morda.
Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu, għax meta Alla ħalaq lill-bniedem, ma ħalqux biex jibqa’ waħdu, iżolat, imma biex flimkien ma’ oħrajn jista’ jibni relazzjoni ta’ mħabba. Meta Alla ħalaqna lkoll “xbieha tiegħu” (Ġen 1:27) – xbieha ta’ Alla bħala Trinità, komunjoni – tana din il-kapaċità f’qalbna li aħna nħobbu u nkunu maħbuba u li hemm insibu l-isbaħ u l-aħjar fil-ħajja tagħna: meta nħobbu u nkunu maħbuba. Fil-fatt, din hi l-esperjenza tagħna fil-ħajja. Aħsbu ftit: x’jagħtik l-iktar ferħ? Hija l-imħabba – meta inti tħobb, u meta tkun maħbub jew maħbuba. Għalhekk Alla ried li aħna ngħixu l-ħajja tagħna b’din l-imħabba, b’din il-ħbiberija bejnietna, b’dawn ir-relazzjonijiet li jgħinu biex aħna nkunu ħaġa waħda flimkien.
Kif nafu, minħabba f’hekk, l-iktar esperjenza mbagħad li tnikkitna hi l-esperjenza ta’ abbandun, jew meta tħossok li int imwarrab jew imwarrba u li ma jagħtux kasek. Nafu li sfortunatament illum fil-ħajja din tiġri. Tiġri għal ħafna raġunijiet. Kultant minħabba l-ħajja mgħaġġla – kulħadd jgħaġġel minn ħaġa għal oħra, ma jkunx hemm ċans li nkunu flimkien, u li nuru tassew din l-għożża ta’ xulxin, l-imħabba lejn xulxin. Kultant minħabba l-mod kif inħarsu lejn xulxin, qisu – kif jgħid il-Papa fil-messaġġ tiegħu – il-bniedem jiswa daqskemm jista’ jipproduċi, joħloq, jagħmel affarijiet. Il-mument li ma jistax, allura jitwarrab fil-ġenb. Din hi esperjenza kerha, esperjenza iebsa, meta inti tħossok m’intix maħbub jew maħbuba, jew inkella mwarrab jew imwarrba fil-ġenb.
Hu importanti niftakru dejjem li minn hemm għandna nibdew f’kull ħidma tagħna, imma speċjalment ma’ min għaddej minn tbatija minħabba l-mard, jew l-anzjanità, jew minħabba raġunijiet oħra: irridu nibdew mill-imħabba. L-ewwel terapija għall-fejqan hija l-imħabba. Minn hemm trid tibda. Hemm li għandna l-isbaħ eżempju proprju f’Ġesù. Meta nħarsu lejn Ġesù, narawh dejjem juri mħabba lejn kull persuna, għax kull persuna hi għażiża, u speċjalment lejn dawk li għaddejjin minn tbatija. Jurihom din l-imħabba, jgħinhom b’kelma ta’ ġid, b’dak li għamel. Hekk għadda ħajtu Ġesù, u ried li aħna bħala dixxipli tiegħu, hekk ngħaddu ħajjitna – billi nuru tassew l-imħabba lejn xulxin.
L-ewwel terapija għall-fejqan hija l-imħabba.
Għandna l-eżempju sabiħa ta’ Ommna Marija. Qed niċċelebraw il-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes. Marija hija dik li dejjem turina kif taħseb fl-oħrajn u turi li tħobbhom. Rajna llum fl-Evanġelju tat-Tieġ ta’ Kana, meta kulħadd kien qed jifraħ, u kienet hi li ndunat b’xi ħaġa nieqsa, bl-inbid li naqas; u kienet hi li tidħol għax sensittiva, għax tħoss, biex tgħin mingħajr ħafna storbju, mingħajr ħafna fanfarunati. Tidħol bil-kwiet biex tgħin lil dawn il-miżżewġin ħalli l-festa tagħhom tkun tista’ tibqa’ tiġi ċċelebrata mingħajr inkwiet. Kelma biss qalet. Daħlet bil-mod. U Marija hekk narawha fil-ħajja tagħha – dejjem preżenza ta’ mħabba. L-Evanġelju jgħid li “kienet hemm” (Ġw 2:1), bħalma kienet hemm taħt is-salib (ara Ġw 19:25) – preżenza li turi li tħobb.
Jien nixtieq nagħmel dan l-appell lil dawk kollha li għandhom qraba hawnhekk f’San Vinċenz de Paul, fl-isptarjiet u fid-djar differenti, biex nuruhom lill-qraba tagħna li nħobbuhom, niġu nżuruhom. Għandhom bżonn il-preżenza ta’ dawk li huma qrib tagħhom fil-familja biex jistgħu jaqsmu magħhom l-esperjenza u juruhom tassew din l-imħabba. Nixtieq nuri apprezzament għal dawk kollha li qed jaħdmu mal-anzjani, mal-morda, bħalma jagħmlu l-ħaddiema tas-saħħa, bħalma jagħmlu s-saċerdoti dedikati li għandna hawnhekk f’San Vinċenz de Paul, kif ukoll l-Għaqda tat-Trasport tal-Morda f’Lourdes – dawk kollha li għalihom il-persuna hi għażiża, iridu jgħinuha bl-imħabba, bl-għożża, billi jkunu viċin tagħha, u b’dal-mod jgħinuha biex tista’ timxi ’l quddiem u tħossha tassew maħbuba.
Nitolbu lill-Mulej biex inissel dejjem fina l-ispirtu ta’ Ġesù u ta’ Ommna Marija – ta’ mħabba u għożża lejn xulxin, speċjalment lejn dawk li għaddejjin minn tbatija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju