Photo: Archdiocese of Malta – Ian Noel Pace

CareMalta, li tmexxi disa’ faċilitajiet ta’ kura għall-anzjani, flimkien ma’ HILA, li tieħu ħsieb sitt idjar li joperaw fil-qasam tad-diżabilità u l-kura għas-saħħa mentali, se jaddottaw il‑linji gwida etiċi ġodda għall‑kura tal‑anzjani mnedija mill‑Knisja f’Malta f’April li għadda.

Il‑kumpanija CareMalta Group ħabbret dan waqt konferenza tal‑aħbarijiet f’Casa Arkati fil‑Mosta, ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna fil-preżenza ta’ membri mit‑tmexxija ta’ CareMalta Group.

L‑għan ta’ dawn il‑linji gwida, ippubblikati f’dokument bl‑isem ta’ Care for Elderly Persons in Church and Religious Residential Homes in Malta: Ethical Guidelines, hu li jippromwovu l‑protezzjoni u d‑dritt għall‑ħajja sal‑aħħar mumenti tagħha, fosthom permezz tal‑kura medika li tingħata, is‑sapport spiritwali u pastorali, u l‑użu tat‑teknoloġija.

Waqt il‑konferenza, l‑Arċisqof Scicluna rringrazzja lil CareMalta Group ta’ din id‑deċiżjoni li joffri mhux biss kura imma wkoll għożża – servizz li qed jingħata lil kulħadd inkluż persuni vulnerabbli.  Saħaq li CareMalta espandiet is‑servizzi tagħha u issa qed iżżid din id‑dimensjoni etika, appoġġata minn bord etiku. “Għalhekk, mhux biss qed tipprovdi kura medika iżda wkoll sens profond ta’ rispett u dinjità. L‑għażla li jingħata spazju għad‑dinjità umana sal‑aħħar mumenti tal‑ħajja, u li jiġi evitat l‑akkaniment terapewtiku bla bżonn, tirrifletti bilanċ bejn il‑fidi, ix‑xjenza u l‑umanità,” sostna l‑Arċisqof.

Hu żied jgħid: “Illum intom qed tagħtu garanzija u serħan il‑moħħ lil kull min juża s‑servizzi tagħkom li se jkun sigur. Nawgura li din l‑għażla li għamiltu tkun ta’ eżempju għall‑istituzzjonijiet, NGOs u kumpaniji oħra sabiex l‑anzjani tagħna ma jħossuhomx ta’ piż fuq is‑soċjetà.”

Dawn il‑linji gwida, minbarra li jħarsu lejn il‑kura olistika tal‑anzjan, iħarsu wkoll lejn l‑obbligi u d‑drittijiet tal‑impjegati kif ukoll ir‑responsabbiltajiet tal‑organizazzjoni li qed tmexxi l‑faċilità ta’ kura għall‑anzjani.

CareMalta Group ħabbar ukoll li fforma kumitat ta’ etika fi ħdan il‑kumpanija sabiex iqis li dawn il‑linji gwida etiċi jiġu inkorporati u mħaddma fl‑intier tagħhom fil‑faċilitajiet kollha tal‑kumpanija, bil‑possibbiltà li jinħarġu aktar linji gwida etiċi u li jkunu approvati mill‑istess kumitat.