L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Kemm hija kerha taqra li meta Ġesù keċċa xitan, diversi nies, flok faħħru lil Alla u rringrazzjawh jew qalu kemm hi ħaġa sabiħa, qalu: dan qiegħed ikeċċi x-xjaten bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten. Ma tistax tgħid ħaġa agħar minn din, li tgħid lil Bin Alla li hu mmexxi minn xitan. Kienet frott ta’ preġudizzju, ta’ ras iebsa, tal-għira jew tal-injoranza tagħhom, imma turik kemm Ġesù, meta kien jagħmel il-ġid, kien isib min jopponih u kien isib ħafna ma’ wiċċu.
Imma Ġesù, li mhux l-ewwel darba li sab hekk, kien dejjem ċar. U hawnhekk jispjega: qed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla u dan ifisser li waslitilkom is-saltna ta’ Alla. Anke jekk kien hemm min jirrifjutah u min kien kontrieh, Ġesù kien ċar u baqa’ jwassal b’mod mill-aktar ċar l-Aħbar it-Tajba li waslet is-saltna ta’ Alla.
Għaliex hu importanti li aħna nirriflettu fuq dan? Għaliex dak li sar ma’ Ġesù baqa’ jsir tul is-sekli fil-ħajja tal-Knisja. Ikun hemm min jagħmel it-tajjeb u min jagħmel il-ġid, u jsib min jopponih b’dal-mod u min jgħid: dan qed jagħmlu bi skop ħażin, dan qed jagħmlu minħabba f’hekk jew hekk. Dan jibqa’ jsir u jkun ħafna drabi frott tal-preġudizzju tan-nies, kultant anke minħabba l-qerq tax-xitan innifsu. Aħna nafu li karatteristika prinċipali tax-xitan hu proprju li jqarraq: li jġiegħlek tara t-tajjeb fejn hu ħażin, u lill-ħażin issejjaħlu tajjeb.
Għalhekk hu importanti li aħna niftakru fil-ħajja tal-qaddisin. Illum qed nagħmlu t-tifkira ta’ żewġ qaddisin li għexu f’epoki differenti, imma li għandhom ħafna x’jgħallmuna.
San Dijonisju jew San Dennis – għaliex ‘Dijonisju’ hemm aktar minn qaddis wieħed – kien Isqof ta’ Pariġi mibgħut hemm mill-Papa. Għex fis-seklu tlieta. Ma tantx nafu fuqu ħlief li ħadem ħafna biex ixerred il-kelma ta’ Alla. Miet martri flimkien ma’ sħabu – saċerdot u djaknu – fuq l-għolja ta’ Montmartre, fejn illum hemm il-Bażilka ta’ Sacre Coeur. ‘Montmartre’ ħafna jaħsbu li tfisser proprju l-għolja tal-martri. Hemm qima kbira lejh fi Franza.
San Ġwann Leonardi għex fis-seklu sittax. Twieled fl-1541 viċin Lucca. Sar spiżjar, imma mbagħad mbagħad ħass il-vokazzjoni għall-ħajja ta’ saċerdot biex jiddedika ruħu għall-predikazzjoni u jħabbar il-kelma ta’ Alla, l-aktar lit-tfal permezz tal-katekeżi. Ħadem ħafna, waqqaf Konfraternità tad-Duttrina Nisranija mmexxija mil-lajċi; u anke għaqda tas-saċerdoti msejħa ‘Kjeriċi Regolari ta’ Omm Alla’. Sab ħafna oppożizzjoni u tfixkil. Meta kien barra minn Lucca, l-awtoritajiet tal-post ħarġulu projbizzjoni li ma jistax jerġa’ lura minħabba li qalu li kien qed ifixkel l-ordni pubbliku. Ħadem ħafna mbagħad f’Ruma fejn il-Papa Klement VIII lilu fdalu r-responsabbiltà tat-tiġdid u r-riforma f’diversi monasteri u kongregazzjonijiet reliġjużi. Hu kien figura importanti fir-riforma fil-Knisja Kattolika wara l-Konċilju ta’ Trentu. Miet bħal-lum fl-1609, meta kien qed jaqdi lill-morda bil-pesta. Papa Benedittu XVI fl-2006 ħatru patrun tal-ispiżjara. Hemm espressjoni li tiġbor il-ħajja tiegħu; kien jgħid: “Kristu l-ewwel – u kollox għall-glorja tiegħu u s-servizz tiegħu”.
Dawn il-qaddisin juruna kemm hu importanti li nagħrfu l-ħidma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja. Hu dak li qal Ġesù li Alla jaħdem fil-ħajja tal-Knisja permezz tal-qaddisin. Hemm juri l-glorja tiegħu u hemm nintebhu kif baqa’ jaħdem tul is-sekli u għadu jaħdem illum. Nitolbuh biex aħna jkollna dejjem qalbna miftuħa għalih u għall-ħidma tiegħu fid-dinja. Nitolbuh biex qatt ma nkunu mogħmija minn preġudizzju li ma jħalliniex nagħrfu t-tajjeb li jseħħ, u nitolbuh ukoll biex aħna nkunu strumenti tal-imħabba tiegħu, inkunu dawk li nwasslu s-saltna tiegħu li ma tagħmilx ħlief ġid, u nwassluha kulfejn inkunu u ma’ kull min niltaqgħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju