-
BRIGHTBURN ***
Direttur: David Yarovesky
Atturi: Elizabeth Banks, David Denman, Jackson A. Dunn, Matt Jones, Meredith Hagner, Gregory Alan Williams, Steve Agee u Becky Wahistrom
Ħin tal-Film: 90 min.
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Tori u Kyle, koppja żgħażugħa li tgħix f’razzett qrib Brightburn, f’Kansas, qegħdin isibuha diffiċli biex ikollhom tfal. Lejla waħda, vettura spazjali taqa’ qrib darhom. Fiha, Tori ssib tarbija. Il-koppja jiddeċiedu, mingħajr ma jgħidu lil ħadd, li rrabbu t-tifel u jadottawh bħala binhom u ssemmuh Brandon. Il-vettura spazjali jaħbuha f’kantina ġewwa matmura tal-qamħ. Kollox mexa ħarir fit-trobbija ta’ Brandon sakemm wasal għal pubertà. Il-vettura bdiet tittrassmetti messaġġi strambi bl-lingwa aljiena, indirizzati għal Brandon. Dawn il-messaġġi kellhom effett kbir fuq il-personalità taż-żagħżugħ l-aktar meta skopra li kellu saħħa sopranaturali u beda jħoss li hu li kien igawdi invulnerabiltà. F’lejla, wara li kien ġa raqad, Brandon, mingħajr ma jaf, mexa lejn il-mantura. Hemm ipprova jiftaħ il-bokkaport fejn kienet miżmuma l-vettura spazjali waqt li beda jkanta l-messaġġ li kien sema’. Tori interveniet u qajjmet lil Brandon. Iktar ma beda jikber, Brandon beda jsir disobbidjenti u jonqos mir-rispett lejn il-ġenituri tiegħu. Waqt ċelebrazzjoni f’ għeluq sninu, ġewwa restorant, iż-żijiet Noah u Merilee tawh xkubetta għall-kaċċa bħala rigal. Missier Brandon oġġezjona minħabba li Brandon kien taħt l-età. Kyle għalhekk ma riedx jaċċettah b’riżultat li Brandon ipprotesta b’mod aggressiv tant li l-imġibtu għaġbet lil dawk li kienu preżenti fir-restorant. Inċident ieħor li għaġġeb lil Kyke kien meta Brandon għawweġ furketta bi snienu. Tori wkoll waqt li kienet qegħda tnaddaf il-kamra ta’ Brandon, sabet ritratti ta’ ilbies ta’ taħt tan-nisa kif ukoll ritratti grafiki ta’ organi umani. Il-familja tiddeċiedi li jmorru għal vaganza. Kyle jieħu din l-oppotunità biex jispjega x’jiġri meta żagħżugħ jibda jesperjenza impulsi qawwija sesswali. Dak inhar stess, matul il-lejl, Brandon b’mod misterjuż, jagħmel żjara fid-dar ta’ Caitlyn, tfajla fl-istess klassi tiegħu u li kien jammira. Fl-iskola, f’eżerċizzju ta’ fiduċja, Caitlyn tħalli lil Brandon jaqa’ fl-art għax ma xtaqitx li tmissu. Meta l-għalliem ordna lil Caitlyn biex tgħinu jqum mill-art, Brandon għaffeġ idejha b’mod goff. X’jibda jiġri minn hawn? Brandon beda juri li ma kienx normali u l- l-vuċi li kien jisma’ mill-vettura spazjali tkompli tħawwad il-qagħda traġikament.
Film Amerikan, hu taħt id-direzzjoni ta’ David Yarovesky u kitba ta’ Brian u Mark Gunn. Minħabba numru ta’ xeni vjolenti u mdemma u tal-biża’, kliem goff u b’tema għal kollox negattiva, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.