• ****

    Direttur: Steven Spielberg

    Atturi: Tom Hanks, Mark Rylance, Amy Ryan, Alan Alda, Austin Stowell, Scott Shepherd, Jesse Plemons u Eve Hewson

    Ħin tal-Film: 141 min

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12       

    Fis-sena 1957,  ġewwa  Brooklyn, New York, Rudolf Abel jirċievi messaġġ sigriet li jirnexxielu jaqrah eżattament qabel ma’ agenti tal-FBI jidħlu fl-appartament fejn kien jgħix. Abel jeqred il-messaġġ iżda evidenza li sabu fl-appartament kien biżżejjed biex ikun arrestat u jitressaq il-qorti akkużat bħala spjun Russu. L-avukat James B Donovan, jintalab biex jieħu f’idejh id-difiża ta’ Abel. Għalkemm l-Amerika kienet temmen li Abel kien spjun tal-KGB,  iżda riedu juru kemm kienu demokratiċi. Xtaqu għalhekk li jgħadduh proċess quddiem qorti kriminali. Donovan jiltaqa’ ma’ Abel u jaċċetta biex jirrapreżentah fil-qorti iżda jagħmilha ċara li qatt ma kien lest li jikkopera mal-gvern Amerikan u jagħti xi informazzjoni li seta’ kellu fuq l-ispjunaġġ Russu.  Donovan jieħu l-missjoni bħala avukat difenżur b’serjeta’ kbira għalkemm ħadd ma kien jistenna li hu jieħu din id-difiża b’ tant serjeta’. L-avukati li kienu qegħdin iressqu l-każ kontra Abel kif ukoll l-istess imħallef kif ukoll il-familja tiegħu kienu kontra li hu jkompli jieħu dan il-każ bis-serjeta’.  Il-pubbliku Amerikan ukoll beda jħares lejh bi stmerrija iżda Donovan kien determinat li jwettaq dmiru kif kienet titlob il-professjoni tiegħu bħala avukat difensur. Abel jinstab ħati u kkundannat għal mewt iżda Donovan jipperswadi lill- Imħallef biex  jagħtih sentenza ta’ ħabs għal tletin sena. L-argument ta’ Donovan kien li jekk jinqala’ il-każ li xi Amerikan xi darba jinqabad ġewwa r-Russja u jiġi mixli bħala spjun, jista’ jkun hemm fteħim ta’ skambju taż-żewġ pruġunieri spiji. X’jiġri fir-realta’?  Kif tiżviluppa l-qagħda?  Sadanittant, l-Amerikani kienu qegħdin fi proċess li jintbagħat ajruplan sigriet biex jiġbed ritratti fuq qagħdiet strateġika Russa.

    Film Amerikan, taħt id-direzzjoni ta’ Steven Spielberg, dramm  imsejjes fuq ġrajja vera li ġrat meta id-dinja kienet għadejja fi gwerra bierda. L-avukat James B. Donovan jintalab jieħu f’idejh id-difiża ta’ Rudloph Abel li gie mixli li kien spjun għal KGB Russa. Għalkemm jinstab ħati, Abel jeħlisha mill-mewt bil-parir lill-Imħallef biex jekk jinqala’ każ ta’ xi spun Amerikan jista’ jsir tibdil ta’ pruġinieri bi fteħim. Minħabba t-tema tal-film kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.