L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla” (Mk 12:34). Dan hu li jgħid Ġesù lil dak il-kittieb li għamillu l-mistoqsija, u l-Evanġelju jgħid li “Ġesù ra kemm kien wieġeb bil-għaqal” (Mk 12:34). Mhuwiex komuni li ma’ xi ħadd mill-kittieba Ġesù jitkellem b’dal-mod, għax ħafna drabi wħud mill-kittieba u l-Fariżej kienu, meta jitkellmu miegħu, jew jeħduha kontrieh jew jistaqsuh biex jonsbuh. Mentri dan staqsieh b’sinċerità, għax ried ikun jaf liema, fost il-kmandamenti kollha, huwa l-ewwel.
Ġesù wieġbu billi semmielu l-ewwel dak li kien għażiż ħafna għall-Poplu Lhudi, meta jgħid: “Isma’, Israel, il-Mulej Alla tagħna Mulej wieħed hu…” (Mk 12:29). Din kienet talba li jgħiduha kuljum. Imbagħad jgħid: “Inti għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha” (Mk 12:30). Araw dan l-ewwel kmandament, l-enfasi fuq “kollha”, jiġifieri t-totalità: li tħobb lil Alla b’mod sħiħ. Imbagħad Ġesù jgħaqqad miegħu kmandament ieħor li l-poplu Lhudi kellu wkoll – insibuh fil-Ktieb tal-Levitiku – “ħobb li għajrek bħalek innifsek” (Mk 12:31). Li għamel Ġesù hu li jgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ kmandamenti, għax jgħid: “Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn” (Mk 12:31).
X’naraw f’dal-kliem ta’ Ġesù? L-ewwel nett, l-enfasi kbira fuq l-imħabba. Fil-qalba tal-ħajja Nisranija hemm l-imħabba. Hija l-imħabba li għandha tmexxina. L-imħabba sħiħa lejn Alla – jiġifieri li ma npoġġux minfloku affarijiet oħra, bħall-flus, bħas-suċċess, bħall-poter, li jistgħu jkunu l-ewwel, u mhux hu, imma lilu nqiegħdu l-ewwel – u li nħobbuh tassew b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu, bil-qawwa tagħna kollha. U li nħobbu wkoll lil għajrna bħalna nnifisna. Jiġifieri Ġesù qed jgħid: l-imħabba għandha tkun li tmexxina lejn Alla u lejn l-oħrajn. Importanti dan, għaliex jista’ jkun li anke fil-ħajja tagħna Nisranija, jidħlu affarijiet oħra li fihom infushom ikunu tajbin, bħalma jsemmi dal-kittieb stess meta jgħidlu “sagrifiċċju tal-ħruq u sagrifiċċji kollha” (Mk 12;33), imma jekk dak li nagħmlu, anke tajjeb, ma jkunx tassew ispirat mill-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn, ikun nieqes minn dak li hu l-aktar importanti.
Imbagħad hemm ħaġa oħra li tagħtina messaġġ qawwi: li Ġesù għaqqadhom flimkien dawn it-tnejn – l-imħabba lejn Allu u l-imħabba lejn l-oħrajn. B’dal-mod uriena li ma hemmx imħabba vera lejn Alla jekk din ma tmexxiniex biex ikollna mħabba lejn l-oħrajn. Kemm-il darba nsibuh, per eżempju fl-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, meta jgħid: “Jekk xi ħadd jgħid ‘jien inħobb lil Alla’, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4:20). Verament irridu niftakru dan: jiġifieri, meta aħna ngħidu li nħobbu lil Alla fit-talb tagħna u fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħna, jekk magħqud ma’ dan ma jkunx hemm l-imħabba lejn l-oħrajn, anke dik li nagħmlu bħala qima lil Alla għax inħobbuh tkun vojta. Dan li qed jgħid, u għalhekk irridu noqogħdu ħafna attenti fil-kliem fuq il-proxxmu. Ħa nsemmi eżempju: kif nista’ jien ngħid li nħobb lil Alla u nkun, fi kliemi, razzist? Jew ma nistmax lill-persuni għax huma ta’ nazzjonalità oħra, ta’ kulur ieħor, ta’ tip ieħor? Ma jmorrux flimkien dawn. L-imħabba lejn Alla tgħinna biex inħobbu tassew lill-oħrajn. Ġesù, meta semma wkoll l-opri tal-ħniena lejn dawk li huma fil-bżonn, jgħid: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
Imbagħad wieħed irid joqgħod attent għall-estrem l-ieħor li kultant tisma’. Ikun hawn min jgħidlek: jien l-iktar importanti hu li ma nobgħod lil ħadd, inħobb lill-oħrajn, imma mhux se noqgħod immur quddies, jew nitlob, jew hekk. Dak huwa żball. Għax tifridhom? Anzi, meta int turi mħabba vera lejn Alla, dik tkun l-għajn li tgħinek biex l-imħabba lejn l-oħrajn tkun ġenwina, u biex tħobb lil kulħadd, mhux tagħżel lil min tħobb, u biex tħobb tassew kif ħabb Ġesù.
Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja llum li aħna f’ħajjitna ngħixu tassew dan l-akbar kmandament li semma, fejn għaqqad tnejn: l-imħabba sħiħa lejn Alla, li turi ruħha mbagħad fl-imħabba lejn il-proxxmu tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




