L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej, u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej” (Ġer 17:7). Dan hu li għadna kif smajna llum fl-Ewwel Qari mill-Profeta Ġeremija, u li tlabna wkoll flimkien fis-Salm: “Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu” (Salm 40:5). Dan hu li qed niċċelebraw illum, speċjalment f’din l-okkażjoni tal-ħamsin sena ta’ din il-Parroċċa tal-Manikata.

Gratitudni lejn tant nies

Tagħna hi ċelebrazzjoni tat-tama fil-Mulej. Meta nħarsu lura, kien proprju dan li mexxa lil dawk li taw sehemhom. Insellem lil Perit Richard England, li l-knisja hija opra kbira tiegħu, u li kienet din it-tama fil-Mulej li mexxietu ’l quddiem tul is-snin biex tlestiet il-knisja u ftit wara saret parroċċa mill-Arċisqof Mikiel Gonzi.

Aħna u nħarsu lura llum, nirringrazzaw lil Alla ta’ dawk kollha li ħadmu f’din il-komunità tul is-snin. Insemmi, qabel xejn, il-kappillani. Għandna magħna l-ewwel kappillan ta’ din il-parroċċa, Mons. Lino Grech, kif ukoll diversi kappillani tul is-snin, li llum qed jikkonċelebraw f’din il-quddiesa, sa Fr Peter Paul Sultana, li qed imexxi l-parroċċa llum. Nirringrazzjaw lil Alla wkoll ta’ tant nies li b’mod koresponsabbli ħadmu f’din il-parroċċa tal-Manikata tul dawn il-ħamsin sena.

L-għeruq tagħna f’Ġesù

Il-kelma ta’ Ġesù fl-Evanġelju tfissrilna x’jiġifieri li tittama fil-Mulej. Għall-bidu, meta tisma’ dan id-diskors ta’ Ġesù fuq min huma l-“henjin” u min huma dawk li “ħażin għalihom”, tibda tgħid: Ġesù qed jaqleb ta’ taħt fuq il-mod kif aħna nirraġunaw, u kif kienu jirraġunaw dak iż-żmien. Li jsemmi l-għana, jew li wieħed jixba’ bl-ikel, li jifraħ, u li jissemma fil-ġid u jgħid “ħażin għalihom”, x’qed jgħid Ġesù?

Ħa naraw x’mhux qed jgħid. Ġesù mhux qed jgħid li aħna għandna nibnu soċjetà li fiha neżaltaw il-faqar, jew li naħdmu biex in-nies jibku, biex ma jifirħux, biex ma jkollhomx x’jieklu u n-nies isemmuhom fil-ħażin. Ġesù hawn qed ikellem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom fejn huma għandhom iqiegħdu l-għeruq tal-ħajja tagħhom. L-għeruq għandhom ikunu fid-dipendenza totali fuq il-Mulej. Hu għandu jiġi l-ewwel. Għalhekk “hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu”.

Minn hemm ’il quddiem, imbagħad, il-Mulej jurina fuqiex għandna naħdmu u għalxiex għandna nirsistu. Imma jekk aħna, flok mal-Mulej, nintrabtu mal-għana, ma’ dak li jagħtina pjaċir, mas-suċċess, mal-kumdità, mal-popolarità, u dawn isiru l-għan ewlieni tal-ħajja tagħna, nindunaw maż-żmien li dawn joħolqu vojt li ma jimteliex.

Għalhekk Ġesù qed jgħid li aħna għandna nqiegħdu l-ewwel dak li jiġi l-ewwel. L-ewwel it-tama fil-Mulej, id-dipendenza tagħna fuqu, biex hu jkun li jmexxina. Imbagħad hu jurina x’inhu l-aktar importanti, fuqiex għandna nirsistu, kif għandna naħdmu. Jurina wkoll kif aħna għandna nkunu f’solidarjetà ma’ dawk kollha li qed ibatu: ma’ dawk li qed jibku, ma’ dawk li ma għandhomx l-essenzjali fil-ħajja, ma’ dawk li huma b’xi mod jew ieħor ppersegwitati. Għax aħna nkunu mimlijin bl-ispirtu tal-Mulej, inkunu nistgħu ngħinu lil dawn in-nies u nkunu tassew f’solidarjetà ma’ kull min qed ibati.

Xhieda qawwija tat-tama

Illum hi partikorlament ġurnata imporanti għaliex għaxar snin ilu bħal-lum, l-ISIS kienu għamlu filmat biex jiftaħru bil-qtil ta’ 21 martri tal-Knisja Kopta fuq ix-xatt tal-Libja, f’Sirte. Il-martirju sar proprju għaxar snin ilu bħal-lum. Inqatlu għax kienu Nsara. Fil-fatt, il-filmat li għamlu kien jgħid “The people of the Cross”, membri tal-Knisja Kopta Eġizzjana. Il-Papa Franġisku inkludihom mal-martri meqjuma mill-Knisja Kattolika.

Il-filmat, li sar mit-terroristi biex jiftaħru bil-qtil makabru li qed jagħmlu, juri lil dawn il-martri jinżlu għarkupptejhom, u l-aħħar kelma li jgħidu hi: Il-Mulej tagħna Ġesù Kristu. Dan il-martirju hu xhieda kbira ta’ dak li tgħidilna l-Kelma ta’Alla llum: “Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej”. Dawn kellhom it-tama tagħhom fil-Mulej, u kienu ċerti li l-Mulej jilqagħhom fil-ħajja ta’ dejjem għax baqgħu jagħtu xhieda tiegħu b’fedeltà sal-aħħar. Din hi l-glorja tagħhom bħala martri ta’ Ġesù Kristu. Huma eżempju għalina lkoll biex bil-ħajja tagħna u x-xhieda li nagħtu nuru t-tama fil-Mulej.

San Ġużepp: ħajtu kollha espressjoni tat-tama

Hawnhekk, f’din il-komunità, tqimu bħala patrun lil San Ġużepp. Hu l-mudell ta’ din il-parroċċa. F’ħajtu ta l-isbaħ xhieda ta’ kemm hu “imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej, u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej”.

Il-ħajja kollha ta’ San Ġużepp kienet mimlija b’mumenti ta’ konflitt – hu jaħseb mod, imma Alla jagħtih messaġġ mod ieħor; hu jippjana mod, u l-Mulej jitlob minnu ħaġa oħra. Hu għażel li jqiegħed it-tama tiegħu fil-Mulej. Hi t-tama li tat daqshekk frott fil-ħajja ta’ San Ġużepp u li hi eżempju sabiħ għalina lkoll, għall-ħajja tagħna, u ta’ ispirazzjoni speċjali għal din il-komunità.

It-tama ma tqarraqx bina

Nixtieq ħafna li, bħalma sar f’dawn il-ħamsin sena ta’ parroċċa, tkomplu tinbnew bħala komunità fejn tqiegħdu fiċ-ċentru lill-Mulej, it-tama sħiħa fih. It-tama Nisranija hija differenti minn kif nużaw kultant il-kelma “nittama” jew “nispera”. Aħna ngħidu, per eżempju, “nittama li ma jkomplux jibnu b’mod goff hawnhekk!” Hi xewqa, imma mhux dejjem isseħħ! Nixtiequ ħafna, imma kultant dak li nixtiequ u nittamaw ma jseħħx.

It-tama Nisranija mhix hekk. Hi mibnija fuq iċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla, u fuq il-Kelma tiegħu li “ma tqarraqx bina” (Rum 5:5), li nafu li hi vera. Li nafu twegħidna l-ħajja bl-aħjar mod hawn, imma wkoll il-ħajja ta’ dejjem, kif smajna lil San Pawl jgħid fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, li Kristu rebaħ il-mewt u bis-saħħa tiegħu aħna wkoll inqumu għall-ħajja ġdida. Hu jgħid: “Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin” (1 Kor 15:19). Imma aħna għandna t-tama li twassalna fil-ħajja ta’ dejjem.

Nitolbu li din il-parroċċa tkompli tinbena f’komunità li tagħti xhieda ta’ din it-tama, fejn ilkoll tinbnew bl-imħabba ta’ Alla, u tkompli tkunu sinjal sabiħ ta’ tama għas-soċjetà Maltija llum.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta

Aktar ritratti