Il-Q.T. il-Papa Franġisku ħatar uffiċjalment lill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof emeritu ta’ Għawdex, bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. L-aħbar ġiet imxandra fil-Bullettin tas-Sala Stampa tal-Vatikan illum f’12.00pm.
Huwa qed jissuċċiedi lil-Em.T. il-Kardinal Lorenzo Baldisseri, li serva f’din il-kariga sa mill-21 ta’ Settembru 2013 u fi żmienu nżammu erba’ Sinodi, li tlieta minnhom ħa sehem fihom l-Isqof Grech bħala Isqof ta’ Għawdex u President tal-Konferenza Episkopali Maltija. Kien fit-2 ta’ Ottubru 2019 li l-Papa Franġisku ħabbar li kien qed jaħtar lil Mons. Mario Grech, dakinhar Isqof ta’ Għawdex, bħala Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Ix-xogħol ewlieni tas-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, bl-uffiċċju tiegħu fil-Vatikan, hu li jkun ta’ Kap ta’ dan id-Dikasteru importanti f’isem il-Papa, li huwa l-President.
Is-Segretarju Ġenerali, nonimat mill-Papa nnifsu skont l-Artiklu 22§3 tal-Kostituzzjoni appostolika Episcopalis communio, imexxi l-ħidma tas-Segreterija Ġenerali, jippresiedi l-laqgħat fl-assenza tal-Papa, u jikteb l-atti tagħha; jinnomina l-Uffiċjali tas-Segreterija, li jiddependu minnu; u jikkomunika lill-Papa dak kollu li għandu x’jaqsam mal-attività tas-Segreterija.
Hu għandu rwol importanti fil-fażi preparatorja tal-Assemblea tas-Sinodu, fejn jippubblika d-dokumenti meħtieġa u jiġbor ir-riżultati tal-konsultazzjoni ekkleżjali; isejjaħ il-Laqgħa Presinodali; jinnomina u jippresiedi l-Kummissjoni preparatorja; jikkomunika u jippubblika n-nomina min-naħa tal-Papa għal President Delegat, Relatur Ġenerali u Segretarju Speċjali ta’ kull Assemblea; jissottoponi lill-Papa l-lista tal-Membri eletti; jikkomunika u jippubblika l-ismijiet tal-Padri Sinodali kkonfermati jew innominati mill-Papa; wara li jisma’ lir-Relatur Ġenerali u s-Segretarju Speċjali, jinnomina l-Esperti u l-Udituri, u jekk hemm bżonn anki l-Mistiedna Speċjali; jippubblika l-ismijiet tad-Delegati Fraterni mill-Knejjes u Komunitajiet Ekkleżjali li għadhom mhumiex f’għaqda sħiħa mal-Knisja Kattolika; jgħaddi lill-Padri Sinodali d-Dokumenti relattivi għall-Assemblea Sinodali; jikkura l-elaborazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-Regolament tal-Assemblea tas-Sinodu.
Fil-fażi ċelebrattiva tal-Assemblea tas-Sinodu, is-Segretarju Ġenerali għandu d-dmir li jżomm Relazzjoni inizjali, biex jesponi l-ħidmiet tal-fażi prepartorja u juri l-proċeduri li jridu jiġu adottati tul l-Assemblea; jipprepara u jikkomunika l-kalendarju ta’ ħidmiet, waqt li jqassam skont kriterju opportun il-Kongregazzjonijiet Ġenerali u s-Sessjonijiet taċ-Ċrieki Minuri; jiddetermina l-ordni u t-tul massimu tal-interventi tal-Padri Sinodali waqt il-Kongregazzjonijiet Ġenerali; jifforma ċ-Ċrieki Minuri u t-tqassim tagħhom; jagħti komunikazzjonijiet biex jgħarraf dwar diversi aspetti ta’ proċedura; jara li, tul ix-xogħol, jiġu rrispettati n-normi; jara li l-membri jistgħu jipparteċipaw attivament u li l-inkarigi jitwettqu kif suppost; jieħu ħsieb li jinżammu l-atti fl-arkivji apposta.
Fil-fażi tal-attwazzjoni tal-Assemblea tas-Sinodu, xogħol is-Segretarju Ġenerali hu li jikkollabora mal-Kap tad-Dikasteru tal-Kurja Rumana kompetenti għat-tema tas-Sinodu biex jippromovi l-attwazzjoni u li jippresiedi l-Kummissjoni għall-attwazzjoni.
F’diskors qasir li għamel f’din l-okkażjoni fil-preżenza tal-Papa, l-Isqof Grech irrefera għax-xewqa mhux imwettqa li kellu fil-bidu tal-ministeru episkopali tiegħu li jikteb l-ewwel Ittra Pastorali tiegħu fuq il-Knisja. “Wara esperjenza sabiħa fit-treġija ta’ Knisja fil-periferija, li għamilt fid-djoċesi tiegħi”, qal lill-Papa, “int sejjaħtli għal dan il-ministeru ġdid”. Billi “Knisja u Sinodu huma sinonimi”, irrimarka huwa u jikkwota lill-Griżostmu, b’ferħ kbir issa sab ruħu “fil-qalb tal-Knisja”.
Mons. Grech esprima gratitudni u ammirazzjoni lejn il-predeċessur tiegħu l-Kardinal Baldisseri, u fisser ix-xewqa tiegħu li jimxi fil-passi tiegħu, wara li kellu l-opportunità li jipparteċipa fi tlieta mill-erba’ Sinodi organizzati minnu.
Intant, Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, flimkien mal-Arċiprieti u l-Kappillani Għawdxin miġbura flimkien għal Seminar, qed jibagħtu dan il-messaġġ ta’ awguri lill-Isqof Grech: “B’sentimenti ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr lil Alla, inwasslu l-aħbar tal-ħatra mill-Papa Franġisku ta’ Mons. Isqof Mario Grech bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu. Is-Sinodu hu ġrajja li fiha l-Isqfijiet jinġabru biex jiddiskutu temi importanti għall-ħajja tal-Knisja. Fil-jum li fih infakkru t-twaqqif tad-Djoċesi tagħna ta’ Għawdex, nitolbu lil Alla għall-Papa u għall-Isqof Mario li ser jgħinu f’missjoni hekk importanti fit-tmexxija universali”.
Fl-ewwel Ittra Pastorali tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex, fit-28 ta’ Awwissu li għadda, l-Isqof Anton Teuma kien irringrazzja lil Mons. Grech “li fil-persuna tiegħek ser tieħu biċċa mill-Knisja Għawdxija fil-qalba tal-Knisja Universali”, u f’ittra ta’ awgurju li kitiblu xi jiem ilu, fisser il-ministeru ġdid tiegħu fis-Segreterija tas-Sinodu bħala wieħed ta’ “ħarries tal-għaqda tal-Knisja”.