-
-
Nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru 2015, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech kien mistieden biex jitkellem fl-ewwel sessjoni tal-Assemblea Djoċesana 2015, fejn tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fis-Sinodu tal-Familja u qasam ir-riflessjonijiet tiegħu dwar l-impenn tal-Knisja lokali f’dan ir-rigward.
L-Isqof Grech tkellem dwar Knisja li għandha tkun ta’ akkumpanjament għal dawk il-familji li jinsabu fil-periferija tal-Knisja. Hu qal li m’għandniex nikkuntentaw bir-riċetti tal-lbieraħ iżda li nevalwaw u nħarsu lejn ir-realta’ x’inhi. Is-Sinodu fakkar li l-familja hija ‘realtà kumplessa’ li titlob dixxerniment kontinwu. L-arti tal-akkumpanjament għanda tkun mixja ma’ persuna li tiġi ittratata b’rispett, mingħajr pre-ġudizzju, u li din il-mixja għandha l-qawwa li tfejjaq, li tikkonverti – proċess li jġiegħel lil bnidem jinbidel għall-aħjar.
L-Evanġelizzazzjoni hija waħda mill-elementi importanti f’din il-Pastorali li għandha ssir mal-familji u l-persuna ta’ Ġesù Kristu għandha tkun ċentrali fil-pastorali tal-familja u enfasizzata iktar minn ħafna regoli imposti. L-Operatur Pastorali għandu jħares lejn ir-realta’ bħalma ħares lejha Kristu, li tħares lejn il-bniedem fir-realta’ li qed jgħix fiha. F’kull persuna hemm dik li l-Isqof Grech sejħilha s-‘Semina Verbi’ – dawk l-elementi pożittivi miżrugħa f’kull qalb tal-bniedem, li anke jekk persuna ma taqbilx mija fil-mija ma dak li jgħallem Kristu jew il-Knisja, imma li hi tixtieq tersaq iktar lejn Kristu.
L-Isqof Grech jara ħafna l-bżonn li l-Knisja tagħmel il-‘konverżjoni pastorali’ u li jara bidla fil-mentalita’ ekkleżjali tal-Knisja lokali. Saħaq li kull min jaħdem fil-Knisja, speċjalment il-presbiteri li għandhom id-dmir li jagħmlu dixxerniment spiritwali, f’eżami kontinwu tal-kuxjenza. ħalli jkunu iżjed ippreparati għar-realtajiet ta’ familji differenti. L-Isqof saħaq li l-komunita’ Nisranija wkoll għandha tiġi ppreparata għal dawk il-koppji li huma f’sitwazzjoni imperfetta, li jixtiequ jibdew din il-mixja f’akkumpanjament u b’impenn. L-Isqof jagħraf li ninsabu f’punt deċiżiv fejn għandha ssir evalwazzjoni dwar fejn il-presbiteru għandu jikkonċentra iktar l-enerġija tiegħu, ħalli jkun iktar ta’ servizz għal min jixtieq akkumpanjament spiritwali.
-
-
Photos: Photocity, Valletta.
www.photocitymalta.com