“Nista’ ngħid li personalment wessajt iċ-ċirku ta’ ‘ħuti’ għax ġejt fostkom u lqajtuni bħala ħukom! Għamilt konoxxenza aktar mill-qrib ta’ xi wħud minn ħuti Maltin fis-saċerdozju, segwejt il-ħidmiet varji tagħhom u apprezzajt aktar il-prezz li huma qed iħallsu biex iwettqu l-missjoni tagħhom fostkom!
“Kelli l-opportunità nkun aktar qrib tar-reliġjuzi Maltin. Imma fuq kollox, l-għaxqa tiegħi kienet meta ħaddanna lil xulxin bħala aħwa mingħajr ma tajna każ ta’ ebda konfini li b’xi mod jistgħu jżommuna ’l bogħod minn xulxin – konfini ġjografiċi, kulturali, reliġjużi, politiċi jew ideoloġiċi! Kienu ġimgħat sbieħ ħafna fejn għentuni nduq il-benna ta’ dak li jgħid is-Salm: ‘Kemm hu sabiħ li l-aħwa jgħixu flimkien’.
Hekk qal l-Isqof Mario Grech is-Sibt li għadda waqt konċelebrazzjoni li mexxa waqt żjara fil-parroċċa ta’ San Ġuzepp Ħaddiem, fi tmiem iż-żjara tiegħu f’Melbourne, Victoria. Il-kappillan tal-parroċċa hu Fr Emanuel Bonello.
Kompla l-Isqof Grech: “Għandi xewqa qawwija li dak li ġarrabt jien, iġġarbuh b’mod permanenti intom ukoll! Anzi, nistenna minn din iż-żjara pastorali fostkom l-emigranti li tistagħnew fir-rabtiet fraterni ta’ bejnietkom”. Saħaq li fuq kollox dan għandu jfisser li “l-‘aħwa’ jerġgħu jsiru ‘aħwa’ … konxju li hemm aħwa li jinsabu ’l bogħod minn xulxin – mhux biss dawk li hemm distanzi ġjografiċi li jifirduhom, imma wkoll dawk li tellgħu ħajt bejniethom u ilhom żmien ma jitkellmu jew jiltaqgħu minħabba xi nkwiet fil-familja bħal fil-każ tal-wirt!
“Nagħmel sejħa minn qalbi biex dawn l-aħwa japprofittaw minn dan il-mument ta’ grazzja, jagħmlu paċi bejniethom u jerġgħu jiskopru s-seher tal-imħabba fraternali! Hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn l-aħwa jistgħu jsaħħu r-rabtiet ta’ bejnietkom billi jtejbu l-komunikazzjonijiet ta’ bejniethom.
Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com