-
-
Nhar il-25 ta’ Frar 2015, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, bierek mill-ġdid il-knisja ta’ Santa Marija Madalena, fi triq il-Merkanti, l-Belt Valletta.
-
L-Omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa tat-tberik tal-Knisja ta’ Santa Marija Madalena
-
-
Knisja ta’ Santa Marija Maddalena, il-Belt Valletta
25 ta’ Frar 2015Inġbarna biex niċċelebraw l-Ewkaristija f’din il-Knisja antika ħafna u niċċelebraw l-Ewkaristija wara ħafna snin li din kienet tintuża bħala Knisja. Hija ħaġa sabiħa li dan il-post li twieled għall-qima, u biex ninġabru bħala poplu ta’ Alla jerġa’ jilqagħna għall-istess raġuni.
Meta wieħed jara minn xiex għadda dan il-post u x’ra matul is-sekli, jinduna li donnu l-istorja ta’ persuna ħajja li tgħaddi minn mumenti ta’ glorja u ta’ inqas glorja. U dan il-post jista’ jkun għalina sinjal sabiħ f’din il-mixja tagħna tar-Randan għaliex dan il-post, li llum reġa’ tbierek, qegħdin nerġgħu noffruh lil Alla bħala post ta’ kult u post ukoll li jilqa’ t-talb tal-poplu tiegħu u anke l-espressjoni sabiħa tal-arti li televa, tgħolli l-qlub tagħna lejn Alla.
Fil-Vanġelu (Lq11, 29-32) Ġesù jsemmi s-sinjal ta’ Ġona u l-ewwel Insara kienu jieħdu x-xena ta’ Ġona ħiereġ minn ħalq il-ħuta bħala s-sinjal tal-Mulej li joħroġ mill-qabar. Ġona għamel tlett ijiem f’żaqq din il-ħuta kbira li belgħetu, imbagħad beżqitu għal fuq l-art, għal fuq l-art ta’ Ninive fejn kellu jipprietka l-indiema. Il-Mulej Ġesù li għamel 3 ijiem fil-ġuf tal-art, joħroġ rebbiegħ mill-qabar u jistedinna għall-indiema, biex imbiddlu l-mentalita tagħna mingħajr ma naqtgħu qalbna, u fl-istess ħin nemmnu fih.
Kif tafu, din il-Knisja kienet il-knisja ta’ kunvent li llum m’għadux hawn għax twaqqa’ fil-gwerra, fit-tieni gwerra, imma dan il-kunvent imwaqqa’ minfloku mbniet skola. Kienet il-knisja ta’ kunvent ta’ sorijiet li kienu jgħixu ħajja ta’ talb u ta’ penitenza. Il-titular ta’ din il-kappella u tal-monasteru kienet Marija Maddalena, din il-mara li hija l-ewwel xhud tal-qawmien ta’ Ġesù. Il-kwadru m’għadux hawn imma jirrappreżenta lill-Maddalena tiltaqa’ ma Kristu rxoxt, ma’ Kristu li ormaj ħareġ mill-ġuf tal-art u jagħtiha dan il-messaġġ: “mur għand ħuti u għidilhom li jiena niltaqa’ magħhom il-Galilija”. Niltaqa’ magħhom fl-ambjent minn fejn ġew, għax il–Galilija kienet prattikament il-post minn fejn kienu twieldu u ħadmu, fejn iltaqgħu ma’ Ġesù l-ewwel darba, ħafna minnhom. “Mur għand ħuti u għidilhom li jiena niltaqa’ magħhom il-Galilija, lilu issibuh hemmhekk” (ara Mt 28,5-7), jgħidulhom anke l-anġli.
Aħna llum nitolbu biex dan il-post ifakkarna li ngħaddu minn xiex ngħaddu, nistgħu nerġgħu nibdew mill-ġdid. Meta tgħaddu minn quddiem din il-knisja, anke tkun magħluqa, ftakru f’din il-ħaġa: din kienet knisja, il-ġebel baqa’ hawn imma l-użu tagħha ma kienx ta’ knisja. Mhux se nagħmel l-elenku ta’ x’rat għax intom tafuh, imma reġgħet ġiet knisja. Aħna li aħna t-tempju ta’ Alla, bid-dnub ħafna drabi qisu ninsew li mgħammdin, imma ma naqtgħux qalbna għaliex bil-qrar u bil-ħniena t’Alla nistgħu nerġgħu nibdew mill-ġdid. Jalla din il-knisja tkun għalina dan it-tip ta’ sinjal li nistgħu nibdew mill-ġdid. Qatt mhu tard biex inti l-barka t’Alla terġa’ ssibha, li inti dak li forsi tilef il-glorja tiegħu, jerġa’ jissebbah bil-glorja tal-Mulej. Nimmaġina li kien hawn diversi kwadri f’dawn il-gwarniċuni tal-ġebel, illum m’għadhomx hawn, imma niftakru li aħna nagħmlu l-knisja sabiħa, il-preżenza tagħna llejla.
U l-aħħar kelma hija li nfakkar fil-Beata Adeodata Pisani li bħal-lum niċċelebraw it-tifkira liturġika tagħha imma din l-imbierka soru tal-klawsura tal-monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina, ħafna drabi, peress li tiġi ċċelebrata fir-Randan, ninsewha. Adeodata Pisani għexet fil-kunvent tal-klawsura l-Imdina bħas-sorijiet li kienu jitolbu f’din il-kappella, mijiet ta’ snin ilu, ingħatat kollha kemm hi għall-ministeru tat-talb u tal-penitenza u sabet it-triq tal-imħabba sabiħa. Aħna m’aħniex fil-klawsura, qegħdin fid-dinja, aħna wkoll irridu nsibu t-triq tal-imħabba sabiħa billi nagħtu ħajjitna skont l-istat tagħna. Min hu miżżewweġ jagħti ħajtu fl-imħabba skont l-istat ta’ miżżewweġ u jitlob għall-grazzja tal-fedeltà. Min hu armel jgħix il-vokazzjoni tiegħu, kultant ta’ solitudni, billi jfittex li fil-knisja jkun preżenza ta’ għerf, ta’ għaqal u ta’ tama, mhux jingħalaq waħdu. Min hu żgħażugħ igawdi l-ħajja mingħajr ma jitkisser jew ikisser lil ħaddieħor, imma jitlob li jkollu vokazzjoni li tkun ta’ ġid għal kulħadd inkluża għalih innifsu. Min hu saċerdot u min hu Isqof iqis li l-imħabba tiegħu jgħixha billi jagħti ħajtu għall-merħla.
U hekk nitolbu ‘l tant qaddisin: Santa Marija Maddalena, il-Beata Adeodata Pisani biex jitolbu għalina ħalli nħarsu lejn il-ħniena ta’ Alla u nagħmlu kuraġġ. Ikun għalina s-sinjal ta’ Ġona bħal ma kien għal Ninive, stedina għall-indiema biex ngħixu il-ħajja tagħna fil-veru paċi.
✝ Charles Jude Scicluna
Isqof titulari ta’ San LeoneAmministratur Appostoliku ta’ Malta
-
-
Photos: Photocity, Valletta.
www.photocitymalta.com