• ****

      Direttur: Tim Burton
      Atturi: Amy Adams, Christoph Waltz, Krysten Ritter
      Ħin: 100 minuti
       
      Klassifika taċ-Ċensura: 12A
      Klassifika tal-Knisja: 12A

      Il-film jibda fl-1958 meta Margaret Ulbrich tieħu t-tifla tagħha Jane u titlaq lejn San Francisco biex taħrab minn żwieġ fallut. Hemmhekk tiltaqa’ ma’ Walter Keane, pittur ta’ pajsaġġi tal-kampanja. Margaret hija wkoll pittriċi għalkemm il-kwadri tagħha huma kollha dwar tfal b’għajnejhom kbar. Wara ftit żmien Margaret u Walter jiżżewġu, u hemm fejn jibda l-inkwiet. Walter jiftihem ma’ sid ta’ nightclub lokali biex jibda jesponi l-pitturi tiegħu u ta’ Margaret f’dan il-lokal. Meta l-pitturi ta’ Margaret jibdew jinxtraw u tiegħu le, Walter jibda jgħaddi l-pitturi ta’ Margaret bħallikieku kienu tiegħu. Meta ssir taf żewġha x’qed jagħmel, Margaret jiddispjaċiha, imma kontra qalbha taċċetta li tikkopera miegħu f’din il-ħaġa b’oħra. Il-pitturi ta’ “l-għajnejn kbar” isiru populari ħafna. Il-kritiku ta’ l-arti John Canady jirrimarka li dawk il-pitturi ma kienux ta’ valur, Walter jirrispondi li lin-nies jogħġbuhom, filwaqt li Canady jirribatti billi jgħid li l-fatt li lin-nies jogħġbuhom b’daqshekk ma’ jfissirx li huma arti. Minkejja l-flus li jkunu qed jaqlgħulhom, Margaret issir dejjem aktar imdejjqa u tħossha bħallikieku xi ħaġa importanti insterqitilha. Minn naħa l-oħra, Walter isir imprevedibbli, speċjalment meta jkun imlaħlaħ bix-xorb.
       
      Film drammatiku, ibbażat fuq l-ħajja vera ta’ Margaret Keane. Il-film juri li l-plaġjariżmu, is-serq tal-kreazzjonijiet ta’ ħaddieħor huwa trawmatiku għal-artist, anke meta jkun kompliċi. Meta Walter jibda jgħaddi l-pitturi ta’ Margaret bħala tiegħu, Margaret tħoss li tilfet l-identita’ tagħha, u ssir imdejqa u tingħalaq fiha nfisha, aktar w aktar meta Walter, biex idaħħal aktar flus, jibda jġgħelha taħdem lejl u nhar, tpinġi tfal b’għajnejhom kbar; tispiċċa bla ispirazzjoni. Amy Adams u Christoph Waltlz jaħdmu l-parti tagħhom tajjeb ħafna. Il-film fih xi kliem ħażin u jittratta temi maturi. Tfal ta’ 12 il-sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.