L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hi talba tassew sabiħa dik li għamel dan l-għama: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” Dan kien “mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità”. Din it-talba għamilha mhux darba, imma aktar minn darba: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!” Ħa nħarsu ftit lejn din il-ġrajja, u naraw x’tgħallimna għal ħajjitna.
L-ewwel, ħa nharsu lejn il-bniedem għama. L-Evanġelju jgħid li dan kien mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. Bniedem vulnerabbli, bniedem fil-bżonn ta’ għajnuna, imma li ma qagħadx jitħassar lilu nnifsu u jibqa’ hemm, imma ra x’hemm bżonn jagħmel biex ikun aħjar, biex ifiq. Kien bniedem determinat. Tant hu hekk li lanqas ħalla l-ostakli li kellu, id-diffikultajiet ifixkluh, imma b’determinazzjoni ried li Ġesù jfejqu. U kien bniedem li kellu fidi f’Ġesù, anke jekk ma kienx rah imma kien sema’ bih. Kellu fiduċja li Ġesù jfejqu. Għalhekk f’dan il-bniedem naraw il-fidi f’Ġesù li jfejjaq, li jsalva, imsieħba ma’ din id-determinazzjoni.
Ħa nħarsu lejn il-kotra tan-nies. Dawn kienu mexjin fejn kien Ġesù, imma għalihom dal-bniedem li kien mal-ġenb tat-triq ma kellhomx f’qalbhom li b’xi mod jgħinuh. Ħallewh mal-ġenb tat-triq. Mhux biss, imma meta beda jgħajjat b’talba biex Ġesù jgħinu, bdew isikktuh u jċanfruh. Mhux biss ma għenuhx biex jasal għand Ġesù, imma riedu jħalluh hemmhekk fil-ġenb u jiskot. Din turik li l-kotra tan-nies tista’ kultant tkun żbaljata. Kieku qalb dawk in-nies għamlu qisu stħarriġ bid-domanda ‘għandna ngħinuh lil dal-bniedem għama li qiegħed mal-ġenb tat-triq?’, il-parti l-kbira kienu jwieġbu: ‘le, ħalluh hemm’. Kienu jkunu żbaljati, kif fil-fatt kienu żbaljati. Il-kotra tan-nies mhux dejjem turik x’inhu s-sewwa, anzi ġieli hi ostaklu biex tasal għal dak li hu sewwa.
Ħa nħarsu lejn Ġesù. Dejjem hu ta’ qalb ħelwa, sensittiv għan-nies. Hawnhekk narawh, avolja miexi bil-kotra tan-nies madwaru, imma għalih kull persuna importanti. U dak il-bniedem fil-ġenb tat-triq, emarġinat, għalih hu importanti. Għalhekk Ġesù jieqaf. Innutaw kif jagħmel il-miraklu, b’liema sensitività u mħabba. L-ewwel, jgħid lin-nies biex iressquh lejh – dawk l-istess nies li ppruvaw isikktu lill-għama Ġesù jġagħalhom iressquh lejh. Imbagħad jistaqsih: “Xi tridni nagħmillek?” Forsi ngħidu: mhux ovvja x’kellu jagħmillu! Imma Ġesù ma riedx jaqbad u jagħmel il-miraklu u jeħles, imma ried li jisma’ lilu, jidħol fi djalogu ta’ mħabba miegħu. Jisma’ lilu, biex imbagħad jista’ jgħidlu “Il-fidi tiegħek salvatek”, u jfejqu bil-kelma tiegħu.
Ġesù mhux biss tah id-dawl biex jista’ jibda jara, imma tah ukoll id-dawl tal-fidi biex jimxi warajh. Fil-fatt l-Evanġelju jispiċċa li dak “baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla”. Aħna u nirriflettu fuq din il-ġrajja sabiħa, nixtieq nagħmel dawn it-talbiet. Aħna u nħarsu lejn il-bniedem għama, nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fidi fih li jsalvana, u jagħtina wkoll id-determinazzjoni biex nagħmlu dak li hu sewwa. Aħna u nħarsu lejn il-kotra tan-nies, nitolbu lill-Mulej biex qatt ma nħallu lill-oħrajn, x’jaħsbu l-oħrajn, x’jagħmlu l-oħrajn, ifixkilna milli nagħmlu dak li hu sewwa u jkun ostaklu bejnna u bejn Ġesù, jew bejnna u bejn il-bniedem fil-bżonn. Aħna u nħarsu lejn Ġesù, nitolbuh lill-Mulej biex jagħtina qalb bħal tiegħu, mimlija mħabba u sensitività lejn kull min hu fil-bżonn, u b’rispett sħiħ lejn id-dinjità ta’ kull persuna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju