Photo: Miguela Xuereb

“Qabel konna missjunarji f’pajjiżhom issa nistgħu nwasslulhom lil Ġesù f’pajjiżna” – hekk stqarr l-Arċisqof Charles Scicluna meta dalgħodu kien qed jiġi intervistat minn Christine Delicata waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103.

Enfasizza li ma nistgħux nibqgħu fil-fosdqa tagħna, “għandna bżonn niltaqgħu ma’ kulturi differenti, u dal-kulturi qegħdin fin-nies li qed jiġu f’pajjiżna, aktar minn 20% tal-popolazzjoni tagħna ġejja minn kulturi differenti u rridu nilħquhom.”

Qal li hemm komunitajiet sħaħ li qed jieħdu ħsiebna u semma diversi oqsma fosthom tas-saħħa, ospitalità, turiżmu u oħrajn. Saħaq li rridu nintegrawhom, “għax irridu jew ma rridux, id-dar tagħna hija d-dar tagħhom ukoll”. Semma sforzi li qed isiru biex jingħataw spazji fejn jiċċelebraw il-quddies u nuru l-akkoljenza tagħna.

Huwa tkellem ukoll dwar l-għeluq tal-Ġublew tat-Tama imma fakkar li t-tama tagħna ma tintemmx għax it-tama vera joffrieha Ġesù. L-Arċisqof qal li l-isfida tal-Knisja hi li twassal il-messaġġ b’mod li jinftiehem mal-ġenerazzjonijiet il-ġodda biex dawn ukoll jiltaqgħu ma’ Ġesù, għax il-messaġġ ma nbidilx imma l-mod kif jitwassal irid ikun aġġornat.

Fakkar li meta nitkellmu dwar dawk fil-periferiji tal-vizzji, ma rridux inħarsu biss lejn id-droga u l-alkoħol imma wkoll vizzji marbuta mal-mezzi soċjali. Issuġerixxa li għandu jkollna sawma ċkejkna kuljum biex inħarsu lejn xulxin bħala bnedmin, mhux bħala robots u nwarrbu l-mowbajls biex nikkomunikaw wiċċ imb wiċċ. Christine Delicata nnutat li mumenti li kienu sagri għalina bħal li nieklu flimkien ġew ikkontaminati mill-mowbajl. “Qed noħolqu rutini li jaljenawna flok jgħinuna” u ssuġerixxa wkoll li pereżempju waqt passiġata noħduh r-ritratt imma ngawdu wkoll il-mument u l-pajsaġġ.

L-Arċisqof qal li dalwaqt jkun hemm pjan pastoral ġdid, u jsir sinodu djoċesan iehor għaliex l-aħħar wieħed li sar kien kważi 25 sena ilu. Dan iservi ta’ analiżi biex janalizza kif inbidlet is-soċjetà u l-irwol tal-Knisja llum il-ġurnata. Is-sinodu djoċesan hu proċess ta’ smigħ, “u nisimgħu lil kull parti tas-soċjetà Maltija, anke dawk li huma mbegħdin, anke dawk li jarawna b’għajn suspettuża”. Fakkar li s-smigħ mhux dejjem komdu imma jibqa’ dejjem essenzjali.

“Ma niġġudikawx lil min qiegħed f’xi vizzju, imma nakkumpanjaw fit-triq tal-verità”

“Ma niġġudikawx lil min qiegħed f’xi vizzju, imma nakkumpanjaw fit-triq tal-verità” hekk stqarr l-Arċisqof filwaqt li qal li rridu nnewlu idejna għal kulħadd. Irringrazzja lil Caritas tal-ħidma tagħhom u anke lill-Istat li afda lil Caritas bir-responsabbiltà taċ-Ċentru tal-Ibwar. Qal li lil ħutna vittmi ta’ vizzju rridu nagħtuhom messaġġ ta’ tama u kompla jgħid li tinkwetah ħafna l-pjaga tal-użura, fi kliemu, “hemmhekk hemm inġustizzja kbira”.

Kompla jgħid li hemm ħafna nies imsallbin, għax bl-użura tidħol f’ċiklu li ma jintemm qatt u b’mod kategoriku qal, “min jagħmel il-flus mid-droga u l-użura dawk huma flus misħutin”.

Huwa tkellem ukoll dwar il-Konċiljarju Straordinarju li għadu kif għamel il-Papa Ljun XIV. Qal li l-karidnali apprezzaw ħafna li semagħhom. Permezz ta’ votazzjoni, il-kardinali għażlu li jiffukaw fuq in-natura missjunarja tal-Knisja, fid-dawl ta’ Evangelii Gaudium – “il-ferħ tal-vanġelu” miktuba mill-Papa Franġisku, kif ukoll fuq it-tema tas-sinodalità.

L-Arċisqof qal f’dan il-proċess l-irwol tas-saċerdot se jibqa’ li hu, imma “is-smigħ ma jfaqqrekx imma jarrikixxik”. Iddeskriva l-Papa Ljun bħala Papa ġwejjed imma intelliġenti u b’qalb missjunarja.

Il-preżentatriċi Christine Delicata staqsietu wkoll dwar jekk id-dinja hux fix-xifer ta’ gwerra u kif dawn l-aħbarijiet qed jaffettwawna, punt ta’ diskussjoni għal ħafna anke fuq il-mezzi soċjali. Hu qal li b’mod naturali nħossuna bla ħiela quddiem dan il-fenomenu ta’ swied il-qalb kbira, u fakkar li l-Papa Franġisku qal “qed nara t-tielet gwerra dinjija daqqa hemm u daqqa hawn” filwaqt li Papa Ljun qal “il-gwerra saret qisha invoga”. Saħaq li l-Ewropa llum qed tirrealizza li missha nvestit aktar fid-difiża u mhux serrħet fuq l-Istati Uniti.

Qal li filwaqt li tista’ tisħet id-dlam tista’ imma wkoll tixgħel xemgħa, u kompla jgħid, “fid-dlam tal-krudeltà, qed insegwi bi qsim il-qalb dak li qed iseħħ fl-Iran, fejn poplu qed jipprova jieħu d-drittijiet tiegħu, mela qis li qalbek tkun post ta’ paċi u jkun hemm effett anke jekk żgħir”. Qal li naħdmu għall-paċi mal-ġirien, kollegi, aħwa u nagħmlu ħilitna biex inħallu d-dinja post aħjar.

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-Ekumeniżmu u fakkar li dan jonora x-xewqa ta’ Ġesù fuq is-salib li xtaq Knisja waħda magħquda, li illum inqasmet f’denominazzjonijiet differenti.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Gabriel Lia