L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Kemm hi ħaġa sabiħa għal kull wieħed u waħda minna li wara żmien iebes ta’ pandemija qed nerġgħu niltaqgħu biex nagħmlu dan il-pontifikal solenni. Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan id-don don li tana b’ San Publiju, l-protos tagħna. Huwa żmien li nerġgħu lura lejn il-mejda li minnha l-Mulej jagħtina l-ġisem u d-demm għażiż tiegħu. L-appell li nagħmel lill-Furjaniżi, bl-interċessjoni ta’ San Publiju, huwa li bi ħġarna nerġgħu lejn dan it-tempju, biex nirringrazzjaw lil Alla ta’ kulma jagħmel magħna u tal-ħniena li juri magħna.
Mexxejja bħalu
Dak għaliex nixtieq nibda infakkar, dak li intom fakkartu ftit tal-jiem ilu biss meta 80 sena ilu dan it-tempju ġġarraf b’attakk aħrax, immirrat u determinat mill-għadu; u l-mimmi ta’ għajnejn il-Furjaniżi sefa’ ħerba. Intom u missirijietkom li għaddejtu minn din it-trawma, bħal tant lokalitajiet oħra f’Malta. Dawk ta’ madwar il-portijiet tagħna jistgħu jifhmu minn xiex għaddejjin ħutna fl-Ukrajna f’dawn il-ġranet. Illum, nixtieq li nitolbu ħafna bl-interċessjoni ta’ San Publiju, li kien raġel twajjeb, ġwejjed, ta’ qalb kbira. Nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex fid-dinja jkollna mexxejja bħalma kien hu. Aħna forsi ma nifhmux ix-xorti li messet lilu; li elfejn sena ilu, kellna lilu bħala l-mexxej tal-pajjiż. Raġel li ma jiddejjaqx jilqa’ għandu għal tlett ijiem sħaħ, 276 persuna, li sabu fi bżonn kbir, imxarrba għasra, imtertra bil-bard, f’jum kiefer ta’ kesħa u xita. Kien hemm l-uffiċjali, is-sidien tal-bastiment li ntilef, il-passiġiera, l-ekwipaġġ u kien hemm ukoll il-ħabsin. Publiju ma għamilx differenza. Laqagħhom lkoll għandu għal tlett ijiem mingħajr distinzjoni. It-tradizzjoni tgħidilna li l-oqsma tiegħu li laqgħahom għandu kienu f’Burmarad, illum bit-titlu ta’ San Pawl Milqi, Fis-snin sittin tas-seklu li għadda, l-arkeoloġija kkonfermat, bis-sejbiet u l-iskoperti, dak kollu li jindika li f’dawk l-akwati kien hemm villa Rumana u li l-oqsma kienu jipproduċu ż-żejt u prodotti agrikoli li kienu jagħmlu lil Malta tant famuża. Meta Ċiċerun jeħodha qatgħa bla ħabel kontra Verres, li kien responsabbli minn Sqallija u anke mill-Gżejjer Maltin, jakkużah b’dak li seraq minn Malta u jsemmi l-għasel, in-newl, iż-żebbuġ u ż-żejt.
Dawn kienu l-prodotti li Publiju kien jipproduċi fl-oqsma tiegħu u saru xhieda ħajja tal-qalb kbira tiegħu. Iż-żejt taż-żebbuġa, li kien jagħti glorja lill-għolja tal-Wardija u ’l isfel, bħalma għadha sallum, huwa wkoll xhieda tal-paċi li kien hemm fil-qalb tal-protos tagħna, u li minnha bbenedika pajjiżna.
Bit-talba u bit-tqegħid tal-idejn tal-Appostlu Missierna, ma fieqx biss missier Publiju imma wkoll il-morda kollha tal-gżira. L-imħabba ta’ Publiju kienet dak il-bieb miftuħ li lilna ġabilna l-ikbar barka. Għallimna li jekk għandna bżonn xhieda — biex bħalma aħna nfaħħruh u ngħidulu: Kun wirt denju ta’ Malta – ‘O Melitae Digna Proles’ — trid tistaqsi lilek innifsek: jiena persuna li nilqa’ lill-proxxmu tiegħi li hu fil-bżonn?
“Laqgħuna bi ħlewwa li ma bħalha”
Kemm hija f’postha l-Kelma li smajna llum fl-ewwel qari mill-Profeta Iżaija, li jbierek lil min iħares lejn min għandu bżonn u ma jagħlaqx għajnu: “li tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin u tkisser kull madmad. Li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf, li tlibbes lil min tara għarwien” (Iż 58:6-7). Immaġinawkom tilqgħu u tridu tieħdu ħsieb 276 persuna li għandhom bżonn ħwejjeġ sħan u x’jieklu, wara 14-il lejl ma jieklu xejn u ma jittrejqux. Kif tista’?
Il-barka li wera Publiju tibqa’ wkoll barka għal kull wieħed u waħda minna. Il-wegħda li jagħmel il-Mulej lin-nies ta’ qalbhom kbira, bħalma kien Publiju, tkun ukoll il-wegħda li seħħ fuqna. “Imbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek. Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek, u l-glorja tal-Mulej timxi warajk” (Iż 58:8).
Kważi xahar ilu, għax aħna diġà qegħdin fl-ewwel jum tax-xahar ta’ Mejju, aħna kellna l-grazzja li nilqgħu fostna lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku. Hu kkonferma x-xewqa tagħna li bħala motto taż-żjara tiegħu jkun hemm it-tifħira ta’ kif aħna u l-protos għażiż tagħna, ilqajna lill-Appostlu ta’ Ġesù, “Bi ħlewwa li ma bħalha” (Atti 28:2). Kif il-Papa kellu ċ-ċans jgħid lilek, għażiż President ta’ Malta u lilek Sinjura Vella, qal ukoll personalment lili dwar kemm ħassu milqugħ mhux biss personalment minnkom – għax inti għażiż President, inti l-protos tagħna – imma mill-poplu kollu tagħna, minn kull wieħed u waħda minna. Kif kienet it-talba tagħna, aħna farraġnielu qalbu; xi ħaġa li kien jitlob San Ġorġ Preca meta jitlob għal Papa: ‘Agħmel li aħna nfarrġulu qalbu, bl-imħabba u d-devozzjoni tagħna’. Li fostna tipperpetwa l-ispirtu ta’ kult, l-ispirtu li tilqa’, l-ispirtu li tiftaħ qalbek għall-grazzja ta’ Alla u l-paċi li jagħti Hu biss, hi xi ħaġa li lilna tagħmlilna unur.
Id-dinja għandha bżonn il-paċi li jagħti Ġesù. Il-ġerħa li l-Mulej iwiegħed li tingħalaq malajr, hija fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, fostna u bejnietna, fil-Mediterran għażiż tagħna, fl-Ewropa tagħna. Imma jekk aħna nagħtu kas xulxin, bħalma jgħallimna l-Mulej, il-ġerħa tagħna, bil-qawwa tiegħu, jagħlaqha malajr.
Nirbħu t-tentazzjoni
Nixtieq nirringrazzja lill-Furjaniżi li 80 sena ilu bkew għat-telfa ta’ tempju imma b’determinazzjoni kbira reġgħu tellgħu dan it-tempju sabiħ u għadhom jieħdu ħsiebu sallum. Imma t-tempju mhijiex dar jew mużew imma hija d-dar fejn tiltaqa’ l-familja ta’ min jemmen, l-familja ta’ min jittama, il-familja ta’ min iħobb, anzi, ta’ min jixtieq iħobb, bħalma wriena kif tħobb il-protos għażiż tagħna, San Publiju.
Aħna lkoll għandna xi ljun jew ieħor iħuf madwarna. Meta nħares lejn l-istatwa San Publiju magħmula mill-artist Vinċenzo Dimech, li għandha iżjed minn mitejn sena, u nara dak l-isqof, xhud ta’ Kristu, mdawwar bl-iljun, ngħid: ‘Mhux ilkoll għandna l-iljun tagħna idur magħna?! Ta’ min jidher u ta’ min ma jidhirx. Bħas-slaleb dawn; min għandu salib u min għandu domna. Allura, aħna nitolbu l-interċessjoni ta’ San Publiju biex nirbħulu. L-Iskrittura tgħidilna li “l-għadu tagħkom ix-Xitan, bħal iljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min jibla’” (1Piet 5:8). Dak is-simbolu mhuwiex biss ta’ xhieda fl-aħħar mument imma ta’ xhieda ta’ kuljum fejn aħna nirbħu r-rabja ta’ ġo fina, l-egoiżmu tagħna, it-tentazzjonijiet li jġagħluna nagħmlu affarijiet tal-ħmir, u l-mod iebes ta’ kif xi kultant nitkellmu fuq xulxin. Dawk kollha huma ta’ min irid ikissirna minn ġewwa u bejnietna. Aħna nitolbu l-interċessjoni ta’ Publiju biex ikollna r-rebħa fuq l-iljuni ta’ kull wieħed u waħda minna li jippruvaw ikissruna.
Il-Papa Franġisku kemm-il darba rrefera għal-laqgħa sabiħa li Publiju u l-Maltin għamlu lill-Appostlu tal-Ġnus u lil sħabu. Imma din hija responsabbiltà kbira li ma nistgħux nieqfu biss infakkruha bi kburija u b’sodisfazzjon. Trid kontinwament tħabbat fuq il-qlub tagħna u tgħidilna: u intom se tagħmlu? X’qegħdin tagħmlu?
Illum lil Publiju nitolbu jberikna u jagħtina l-qalb tiegħu u nirringrazzjah talli bl-imħabba tiegħu ġab fejqan lill-morda tal-gżira. Bl-interċessjoni qawwija tiegħu quddiem Alla nitolbu biex kif hu wirt denju ta’ Malta, jgħallem lilna wkoll inkunu wlied ta’ din l-art ħelwa, li Alla bierek l-oħla tagħna, id-dawl ta’ Ġesù. Viva San Publiju.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta