L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Hu u jaqra l-ktieb ta’ Iżaija, Ġesù jfakkarna li llum qegħdin niċċelebraw l-inizjattiva ta’ Alla. “L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani … bagħatni…” (Iż 61:1). Il-Mulej jagħraf l-inizjattiva tal-Missier u jgħallimna wkoll nilqgħu bil-ferħ u bi gratitudni kbira l-inizjattiva ta’ Alla f’ħajjitna.
Kif tinsisti l-Ittra lil-Lhud, ikun bluha li tieħu fuqek il-ministeru mingħajr m’inti msejjaħ imma lkoll kemm aħna nafu li s-sejħa kienet u tibqa’ misteru. Għaliex lili? Għaliex għadni fil-ministeru? (ara Lhud 5:4)
Nibqgħu fil-ministeru sakemm nagħrfu li l-ministeru mhuwiex dekorazzjoni u lanqas titlu ta’ ġieħ imma hija sejħa li tirrikjedi minna risposta kuljum. Din hi sejħa li tirrikjedi wkoll gratitudni kbira waqt li nilqgħu d-deċiżjoni tal-Mulej li jikkonsagrana għalih.
Il-ħajja tagħna tat-talb, li lqajna bi stil ta’ ħajja u b’dover fid-djakonat f’isem il-Knisja, trid tkun is-sinsla tar-risposta tagħna. Jekk aħna nibqgħu magħqudin miegħu fit-talb, b’mod speċjali fit-talba tal-Knisja, aħna nkunu qed nikkonfermaw l-għażla tiegħu li jikkonsagrana.
Ejjew nitolbu li aħna u nagħrfu din is-sejħa nilqgħuha b’umiltà u nitolbu li nkunu fidili lejn rigal hekk kbir.
It-tieni ħaġa li għamel Ġesù hu li ddikjara lilu nnifsu bħala ‘il-Mibgħut’, ‘l-Appostlu’. Mibgħut lill-poplu biex “inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej” (Lq 4:18-19).
Illum qegħdin f’din il-knisja [il-Konkatidral ta’ San Ġwann] li bir-rieda tal-Papa Franġisku hija knisja ġubilari, knisja li fiha l-Poplu ta’ Alla jilqa’ d-don tal-maħfra u l-ħelsien mit-tpattija kollha ta’ dnubietu. Illum aħna, bħala sacerdoti, waqt li nġeddu l-wegħdiet tagħna, nilqgħu wkoll l-indulġenza li l-Knisja toffri f’din is-sena ta’ grazzja.
Imma aħna mibgħuta biex inkunu xandara ta’ din il-grazzja tal-Mulej, bagħatni “nniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej” (Iż 61:2). Mhix kwistjoni ta’ dak li nagħmel imma ta’ dak li jien. Nistaqsu lilna nfusna jekk bi kliemna, bl-għemil tagħna jew bil-mod kif nitrattaw lil xulxin aħniex qed inkunu ħabbara tal-ħelsien, dawk li nwasslu l-Bxara t-Tajba u d-dawl lill-għomja; jekk l-għemil tagħna huwiex għemil li jagħti ħelsien u grazzja.
Għaliex il-Mulej, li sejħilna biex ngħixu u nkunu parti mill-konsagrazzjoni tiegħu, qed jafdalna wkoll il-missjoni li nkunu parti minn dak li kien hu għall-poplu tiegħu. “L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani … bagħatni…”
Il-Mulej Ġesù jwettaq dan il-kliem fl-ambjent fejn trabba. Kienu jafu min hu u x’inhi l-oriġini umli tiegħu, kif ngħidu bil-Malti, kienu jafu r-razza u r-radika tiegħu. Allura, l-inizjattiva tal-Mulej tiddi b’qawwa ikbar fl-ambjent fejn trabba u fl-istess ħin issir skandlu. Anke s-sejħa tagħna, għal min jafna taf tkun skandlu. Kif lilu u mhux lili? Għaliex? Hawnhekk niftakru fil-kelma tal-Appostlu Missierna, meta jgħidilna li Alla jagħżel id-dgħajfin biex juri biċ-ċar il-qawwa tiegħu (ara 2 Kor 12:9).
Illum, aħna u nilqgħu l-missjoni tagħna b’ferħ u gratitudni, niftakru li huwa l-mument li nilqgħu d-dgħufija tagħna mhux biex nistabru imma biex nifhmu li l-qawwa tagħna mhix għall-merti tagħna imma għall-ħniena tiegħu.
Illum, din il-kitba sseħħ aħna u nibdew it-tiġdid tal-Knisja bil-konsagrazzjoni taż-żjut li huma ta’ saħħa, ta’ dawl, ta’ faraġ, ta’ fejqan u ta’ konsagrazzjoni għall-poplu qaddis ta’ Alla. Illum, f’din il-liturġija tal-griżma, il-Knisja tibda tiġġedded. Bħalma nixtiequ nitolbu l-istedina tal-Mulej għall-ħaddiema fl-għalqa tiegħu u li din tiġġeded fost il-poplu qaddis ta’ Alla.
Illum hi ġurnata speċjali li fiha, bir-raġun, nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali. Mhix biss kwistjoni ta’ bżonn imma ta’ talba lill-Mulej li jrid iħares, iwettaq u jmantni l-merħla tiegħu.
Nitolbuh ukoll biex iż-żjut li se nwasslu lill-poplu tiegħu —biex inqawwuh fil-katekumeni, biex ifarrġuh bid-dilka tal-morda, biex jikkonsagrah biż-żejt tal-griżma— iwasslu wkoll l-ispirtu qaddis tiegħu. Nitolbuh ukoll biex aħna nkunu strumenti tal-ħniena tiegħu. Bħalma qrajna mill-Ktieb tal-Apokalissi, huwa “ħallna minn dnubietna, bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu u Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem” (Apok 1:5-6).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 61:1-3a,6a,8b,9
Salm: 88(89):21-22,25,27
Qari II: Apok 1:5-8
L-Evanġelju: Lq 4:16-21