L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Aħna u nippreparaw biex niċċelebraw l-Għid tal-Assunta, u intom li ftit ġranet oħra wkoll tiċċelebraw il-festa titulari ta’ din il-parroċċa, ippermettuli nieqaf ftit fuq din l-espressjoni profonda u sabiħa, li tiġbor fiha l-karattru spiritwali u profond ta’ Sidtna Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38).
Għażiż Arċipriet Dun David, nawguralek li fil-jiem kollha ta’ ħajtek, filgħodu kif tqum biex tfaħħar lill-Mulej, matulek ja ġurnata, inti u tiltaqa’ mal-poplu għażiż ta’ Alla; fi tmiem il-ġurnata, inti u teżamina, kif hekk hemm bżonn li nagħmlu; fil-kuxjenza tiegħek, tkun tista’ tgħid: jien il-qaddej tal-Mulej. Meta tħares lejn ħajtek, tkun tista’ tgħidlu b’sens kbir ta’ fiduċja: ħa jsir minni skont kelmtek!
Inti lqajt l-istedina tiegħi, biex tagħti ħajtek lil dan il-poplu. Jien mhux qed nafdalek xi ħaġa tiegħi, għażiż Dun David, u lanqas se nagħtik xi ħaġa biex tkun tiegħek. Jiena u inti, jiena l-isqof u int l-arċipriet, aħna qaddejja tal-Mulej. Il-parroċċa mhix tiegħi u lanqas tiegħek; il-poplu mhux tiegħi u lanqas tiegħek; il-poplu hu ta’ Alla. Aħna ningħataw lill-poplu bil-providenza ta’ Alla u bl-ubbidjenza, biex inkunu qaddejja – la biex ninqdew, la biex nisservew, u wisq inqas biex nabbużaw mill-fiduċja li għandna.
Aħna qaddejja u l-qaddej jagħti ħajtu; għax mhux mikri. Ġesù meta spjega min hu r-Ragħaj it-Tajjeb, għamel distinzjoni bejn ir-ragħaj it-tajjeb u dak mikri: “jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u nagħaġ tiegħi jagħrfu lili” (Ġw 10:14). “Għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti” (Ġw 10:15). Hu qal li l-mikri ma jagħmilx hekk; il-mikri għandu interessi oħra. Qed nafdalek dan il-poplu biex tkun ragħaj, mhux merċenarju; biex tkun ragħaj mhux mikri.
Meta taqa’ xi siġra, dik tagħmel ħafna ħoss; imma s-siġra li taqa’ ma tistax tnessina l-foresta ta’ siġar, li kontinwament jikbru fis-silenzju, mingħajr ħadd ma jinduna bihom
Aħna nitolbu lil Alla, li mmexxu u nkunu ragħajja, mhux biss biex inxandru l-Kelma, imma wkoll billi ngħixuha. Bħalma qrajna fit-tieni qari mill-Ittra tal-Appostlu San Ġakbu: “Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss (jew li nippritkawha biss) u hekk tqarrqu bikom infuskom” (Ġak 1:22). Imma aħna nafu bil-limiti tagħna Dun David. Ħa nibda minni! Nafu bid-debbolizzi tagħna. Allura għandna bżonn mhux biss nitgħallmu nafdaw fil-ħniena ta’ Alla; imma wkoll b’umiltà nitgħallmu x’jiġifieri tkun responsabbli, tagħti kont, tfittex l-għajnuna, tieħu parir, ma tagħżaqx waħdek.
Il-Mulej żejnek b’esperjenza twila f’ħafna oqsma tad-djoċesi. Illum qed isejjaħlek biex tkun arċipriet mill-waħda mill-eqdem komunitajiet Insara fl-Arċidjoċesi tagħna. Din is-sejħa titlob minnek impenn, imma titlob minnek ukoll li tisma’ dik il-kelma li l-Mulej jgħid lill-qaddejja umli tiegħu: ‘La tibżax, jien miegħek’; bħalma qal lil Marija, il-qaddej u l-anġlu tal-Mulej: “Tibżax, Marija” (Lq 1:30). Hekk il-Mulej jgħid lilek; u l-Mulej jgħid hekk ukoll lill-poplu għażiż ta’ Ħad-Dingli, hu u jilqgħek bħala r-ragħaj tiegħu.
Il-parroċċa mhix tiegħi u lanqas tiegħek; il-poplu mhux tiegħi u lanqas tiegħek; il-poplu hu ta’ Alla
Il-Mulej, bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija, ikun id-difensur tiegħek u tal-poplu. Ikun dak li jiggwidak, li jagħtik id-dawl. Nawguralek li tkun dik is-siġra li tikber fis-silenzju, u li tissieħeb mal-foresta ta’ siġar li jikbru fis-silenzju, li huma s-saċerdoti għeżież tagħna. Il-bosk ma jagħmilx ħoss hu u jikber fis-silenzju; jaf jistenna fin-nixfa, u jaf jistagħdar meta tagħmel xi ħalba xita tajba; imma jikber mingħajr ħoss. Meta taqa’ xi siġra, dik tagħmel ħafna ħoss; imma s-siġra li taqa’ ma tistax tnessina l-foresta ta’ siġar, li kontinwament jikbru fis-silenzju, mingħajr ħadd ma jinduna bihom, mingħajr ħadd ma jpoġġihom fuq il-headlines. Inti ssieħeb bħala siġra matura f’dan il-bosk ta’ qdusija li huma s-saċerdoti u l-kappillani tagħna.
F’dan il-jum, nixtieq nirringrazzja lill-ħafna saċerdoti tagħna, lill-ħafna kappillani tagħna tas-servizz u d-dedikazzjoni tagħhom. Il-poplu tagħna għandu jirringrazzja ’l Alla, li għadna nsibu min lest jagħti ħajtu. Meta jberraq u taqa’ siġra fil-bosk, mhux il-mument li naħarqu l-bosk kollu. Nixtieq insellem ukoll lill-parroċċi kollha tagħna; imma llum fil-qalb tiegħi għandi wkoll il-parroċċa ta’ Marsaxlokk, lill-poplu ta’ Marsaxlokk, u lil kull min hu milqut b’dak li jġibilna tant swied il-qalb.
Imma nitlob lill-poplu għażiż tiegħek, quddiemek Arċipriet, biex jgħinek timxi fis-sewwa; jgħasses fuqek bħalma inti tgħasses fuqu. Għaliex il-fatt li inti arċipriet, ma jfissirx li tlajt fuq pedestall, imma inti trid tinżel biex taħsel saqajn l-aħwa. Dan mhux biss f’Ħamis ix-Xirka, meta kulħadd ikun għorokhom bil-broxk qabel jiġi hawn; inti taħsel is-saqajn ta’ kull wieħed u kull waħda minna kif issibna, b’dak kollu li nkunu ġibna mat-triq u nġorru magħna.
Kun int li taqdi l-poplu fix-xandir tal-Kelma billi tiċċelebra l-Ewkaristija, billi tkun ministru tal-ħniena tiegħu, li tagħha għandek bżonn daqs kull membru tal-poplu tiegħu. Kun int ukoll, li l-Facebook tiegħek ikun il-wiċċ tal-poplu tiegħek, mhux realtà illużorja u diġitali, imma l-ktieb tal-qalb tal-poplu tiegħek. Il-messaġġi tiegħek, iżjed mill-kliem, ikunu bl-eżempju. Tgħallem aħdem mal-poplu. Kun int li tmexxi, imma imxi quddiem il-merħla biex tagħti direzzjoni; kun f’nofs il-merħla biex tisma’ l-qalb tħabbat tal-poplu tiegħek; u kun ukoll wara l-merħla, jew biex timbotta lil xi ħadd li jkun għejja, jew biex tħalli wkoll il-poplu tiegħek jurik Alla xi jrid minnek.
Jalla l-Mulej jagħtik il-konsolazzjoni u l-faraġ li tara l-poplu għażiż ta’ Ħad-Dingli jikber fil-qdusija, jimmatura fl-għaqda, u jkun dejjem familja Nisranija mibnija fuq il-fidi, t-tama u l-imħabba. Jalla l-Mulej ibierkek bid-don tal-vokazzjonijiet għas-saċerdozju, għall-ħajja Nisranija, għaż-żwieġ Nisrani – għas-sagramenti li jibnu l-komunità. Għax x’jiswa, li jkollna tempju maestuż, ma tpinġihx, imma mbagħad il-qalb tagħna mbiegħda minn Alla? Kemm aħna s-saċerdoti, kif ukoll il-poplu ta’ Alla, il-missjoni tagħna hi li nibdew induqu l-ġenna billi niftħu qalbna għall-Mulej, li jiġi bin-nar tal-ġustizzja, tal-verità u tal-ħniena tiegħu, jippurifikana kontinwament u jħeġġiġna bin-nar tal-imħabba tiegħu. Kif għidna għall-kant tal-Hallelujah: ‘Hienja int, Verġni Marija, int sejjaħt lilek innifsek qaddejja tal-Mulej, issa mgħollija fuq il-kori kollha tal-anġli, il-Knisja ssellimlek Sultana tas-sema.’ Jiena nafdak f’idejn l-interċessjoni qawwija ta’ Santa Marija. Nafdak f’idejha, bħalma ommok Anna, tafdak fil-Mulej, jien nafdak f’idejn Sidtna Marija. Kun int ukoll l-iben dehen tagħha, li lill-Mulej tgħidlu, fit-tmiem ta’ kuljum ta’ ħajtek: “Jiena l-qaddej tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Ad multos annos.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżek 16:1-15,60,63
Salm: Iż 12:2-3,4bċd,5-6
L-Evanġelju: Mt 19:3-12