L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi appella lill-midja sabiex tkun ġusta fir-rappurtaġġ tagħha mal-verità, u sabiex ma żżommx lura ċerta diskussjoni b’deċiżjoni.
Waqt il-programm Għal Kulħadd, Mons. Galea Curmi stqarr li jekk il-midja verament tixtieq li fil-pajjiż ikun hawn dibattitu, hi meħtieġa li tkun kommessa twassal il-messaġġ. Huwa semma li ċerta midja telimina d-diskors favur il-ħajja, liema nuqqas iwassal lill-poplu biex ma jkunx jaf il-verità sħiħa.
Huwa ġab l-eżempju ta’ ftit ġimgħat ilu, hekk kif waqt l-inawgurazzjoni ta’ St Michael’s Hospice f’Santa Venera, id-diskors tal-Arċisqof dwar il-protezzjoni tal-ħajja ma ġiex irrappurtat f’ċerti rapporti tal-midja. “Il-Knisja altru li titkellem, però l-midja trid tagħmel xogħolha jekk vera trid dibattitu miftuħ,” saħaq.
B’referenza għall-ġrajja tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, huwa kompla li l-poplu Malti għandu jkun kburi li l-identità tiegħu hija marbuta mal-protezzjoni tal-ħajja, hekk kif qal li l-Maltin kienu kommessi li jgħinu lin-nies tal-ġifen isalvaw u li tul iż-żmien tagħhom f’Malta jgħixu b’dinjità.
Huwa semma li bosta persuni jargumentaw li Malta tinsab waħedha fil-ġlieda favur il-ħajja. Kompla li dan għandu jagħmilna kburin hekk kif anke l-atteġġjament tal-Maltin ma’ San Pawl u n-nies tal-ġifen jixhed kemm il-poplu ta’ Malta jagħraf jipproteġi l-ħajja.
L-Isqof Galea Curmi sostna li “iktar ma jkollna f’qalbna l-protezzjoni tal-ħajja, naraw sitwazzjonijiet differenti tas-soċjetà u naħdmu għal ħajja isbaħ għal kulħadd,” hekk kif saħaq li l-valur tal-ħajja ta’ kull bniedem jinsab mhux biss fil-bidu jew fit-tmiem, iżda wkoll f’kull waqt tagħha.
Huwa tenna dak li kien qal waqt quddiesa f’Jum il-Ħajja, li fil-kliem il-Papa Franġisku, “il-kura paljattiva awtentika hi radikalment differenti mill-ewtanasja, li qatt ma hi għajn ta’ tama jew attenzjoni ġenwina għal min hu marid u min qed imut. Minflok, din hi falliment tal-imħabba, mera ta’ ‘kultura tal-iskart’ li fiha l-persuna m’għadniex inħossuha bħala valur primarju li għandna nirrispettawh u nieħdu ħsiebu.”
Kumment mis-semmiegħa kien jgħid li kien jippreferi li l-qraba tiegħu kellhom l-għażla tal-ewtanasja. Għal dan il-kumment, Mons. Galea Curmi stqarr li meta wieħed iħares lejn l-ewtanasja bħala possibiltà, ma għandux rispett lejn il-ħajja hekk kif permezz tagħna tkun qed toqtol bniedem.
Huwa temm l-intervista tiegħu jħeġġeġ lill-insara u lis-saċerdoti biex jimlew lil xulxin bit-tama, hekk kif bħal San Pawl mela bit-tama lil dawk li kienu fuq il-ġifen u li kif jistqarr l-awtur tal-Atti tal-Appostli, il-persuni abbord kienu kilfu kull tama li jsalvaw. Madanakollu, wara li San Pawl irċieva l-Kelma ta’ Alla u mtela bit-tama, wassal l-istess tama lil dawk ta’ madwaru.
Minn Luke Vella
Sors: Newsbook Malta