Nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Novembru, 2010, il-Kummissarju Għoli tal-Awstralja għal Malta, l-E.T. Ms Anne Quinane, akkumpanjata minn Mons. Philip Calleja, marret il-Monasteru tas-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Sant Ursola, il-Belt, iżżur liż-żewġt aħwa Sr Christine u Lillian Borġ, it-tnejn imweldin l-Awstralja.
Hi saret taf bihom f’laqgħa li kellha ma’ ommhom, wara l-Quddiesa li ġiet iċċelebrata fl-KonKatidral ta’ San Ġwann nhar il-Ħadd 24 ta’ Ottubru, fl-okkażjoni ta’ Jum il-kanonizzazzjoni ta’ l-ewwel Qaddisa Awstraljana, Sr Mary of the Cross (Mary Helen MacKillop).
Sr Christine u Sr Lillian huma ulied Leone Borg oriġinarjament minn tas-Sliema u Angela Borġ nee’ Farruġia mill-Marsa li kienu emigraw lejn l-Awstralja bħala tfal, mal-ġenituri tagħhom. Huma ltaqgħu u żżewġu hemm u ffurmaw familja ta’ tliet ulied: tifel u zewġt ibniet. Huma rriturnaw Malta fl-1980 meta Christine kellha disa’ snin u Lillian tliet snin.
Sr Christine kienet tattendi skola mmexxija mis-Sorijiet ta’ Mary MacKillop u kellha album sħiħ b’ritratti x’turi lill-Kummissarju Għoli tal-Awstralja. Sr Lillian li ġiet Malta f’eta’ zgħira, marret l-Awstralja darbtejn – l-aħħar darba għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Hemm għad għandhom in-nanniet ta’ 97 u 92 sena u tnax il-ziju aħwa ta’ missierhom u ommhom.
Il-Kummissarju Anne Quinane ħassietha verament ferħana tisma’ lil Leone, Angela u uliedhom jitkellmu fuq ir-rabta tagħhom mal-Awstralja u stqarret li kienet esperjenza ġdida għaliha li tiltaqa’ ma’ żewġ sorijiet tal-klawsura imwielda l-Awstralja.
Madre Celina Sultana, il-Madre Superjura, li laqgħet il-Kummissarju Għoli u ppreżentatilha lis-sorijiet, ħadet ħsieb tippreżentalha wkoll żewġ sorijiet oħra li għandhom ħuthom l-Awstralja. Il-Kummissarju Għoli rringrazzjatha li tagħtha l-opportunita’ tiltaqa’ ma’ Sr Christine u Sr Liliana u ssir taf il-ħajja tas-sorijiet tal-klawsura.