-
-
Għal diversi snin, is-sorijiet Agostinjani, li għandhom f’idejhom il-formazzjoni ta’ tant tfal u adolexxenti, ħassew il-bżonn ta’ post li jilqa’ lit-tfajliet li jkunu spiċċaw mill-iskejjel tagħhom. Post li t-tfajliet jistgħu jqisuh bħala tagħhom, iħossuhom komdi fih u jservi ta’ spazju fejn jibqgħu jirċievu formazzjoni wara s-snin tal-iskola.
Kien proprju fis-sena li għaddiet li l-Madre Provinċjali, Sr Rachel Frendo, ispirata mill-ħerqa u l-imħabba tal-Papa Franġisku lejn iż-żgħażagħ, ipproponiet li l-basement tal-kunvent tal-Gżira jinbidel f’ċentru għalihom. Il-komunità tal-Gżira laqgħet din il-proposta b’ottimiżmu kbir, u minn dakinhar il-proġett sar wieħed mill-prijoritajiet tal-Madre Provinċjali.
Iċ-ċentru nfetaħ u tbierek milll-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-jiem li għaddew, propju fis-sena meta s-sorijiet Agostinjani qed jiċċelebraw il-125 sena ta’ preżenza u ħidma fil-formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ f’Malta.
Iċ-ċentru qed ikun miftuħ kull nhar ta’ Ġimgħa bejn s-2pm u d-9pm iżda l-ħsieb hu li jkun miftuħ fi ġranet oħrajn ukoll. F’dan il-post, it-tfajliet jieklu, jiddiskutu, jitolbu u jirriflettu, idoqqu l-mużika, ikantaw u jiżfnu u saħansitra jkollhom sleep-overs. F’dan il-post qed ikomplu jgħixu l-ideal Agostinjan li trawmu fih fis-snin tal-iskola, jiġifieri li jkunu qalb waħda u ruħ waħda f’Ġesù.
F’dan iċ-ċentru l-eks studenti tal-iskejjel Santa Monika ta’ Birkirkara u tal-Gżira jsiru grupp wieħed, familja waħda, flimkien mas-sorijiet. Isibu wkoll ma’ min jitkellmu, ma’ min jaqsmu d-domandi l-kbar li, aktar ma jikbru jgħaddu minn moħħhom. F’dan il-post isibu min jismagħhom, jigwidahom, u min jgħinhom jibqgħu jemmnu f’Ġesù u joħolmu ħolm sabiħ għal ħajjithom. Din l-esperjenza ġdida ż-żgħażagħ issa qed iġorruha fl-oqsma fejn qed ikomplu bl-istudji tagħhom, u qed iħeġġu żgħażagħ oħrajn għaċ-ċentru 16+. Fil-fatt iċ-ċentru diġà qed jilqa’ fih żgħażagħ li ġejjin minn oqsma oħra.
Fuq ix-xewqa taż-żgħażagħ, Jerome Frendo intgħażel bħala mudell għat-tfajliet taċ-ċentru. F’din l-okkażjoni ġiemiedi l-ktieb bl-isem Jerome, miktub minn Sr Veronica Gerada, bl-iskop li jintuża mit-tfajliet taċ-ċentru u jsir il-ġid ma’ ħafna żgħażagħ oħrajn. Il-qligħ kollu jmur għal Smiling with Jerome, fundazzjoni mwaqqfa mill-ġenituri ta’ Jerome Frendo.
-
-
-