-
-
L-Uffiċċju Djoċesan tal-Volontarjat qed jistieden lil dawk kollha nvoluti fil-qasam tal-volontarjat, għal seminar bit-tema ‘Għall-Qadi tal-Bniedem: Il-Vizjoni tal-Papa Franġisku’. Dan ser isir nhar is-Sibt 25 t’Ottubru 2014, fis-Seminarju tal-Virtu’, ir-Rabat, bejn id-9.15 a.m. u n-12.30 p.m.
Il-programm jinkludi preżentazzjoni minn Fr Joe Galea Curmi, Assistent Segretarju Pastorali, li ser iwieġeb għal diversi mistoqsijiet fosthom: x’inhuma l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom dawk li jaħdmu fis-servizz għall-oħrajn, b’liema mod il-bniedem jista’ jitqiegħed fiċ-ċentru tas-servizzi offruti, u kif nistgħu naħdmu kontra l-kultura tal-iskart fejn il-bniedem jispiċċa eskluż u mormi. Fr Galea Curmi ser jitkellem ukoll dwar l-ispirazzjoni li qed jagħti l-Papa Franġisku favur id-dinjità u l-ħajja ta’ kull bniedem, irrispettivament minn reliġjon, qagħda soċjali u orjentament.
L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser jagħlaq is-seminar b’messaġġ għall-okkażjoni, filwaqt li ser jiġi ppreżentat bil-Kodiċi ta’ Etika għall-Voluntiera u għall-Għaqdiet Volontarji li joperaw fl-Arċidjoċesi ta’ Malta. Dan id-dokument tfassal wara konsultazzjoni wiesgħa, u huwa intiz li jsaħħah il-ħidma tal-volontarjat fil-Knisja b’risq is-soċjetà Maltija.
Kull min hu nteressat li jattendi għal dan is-seminar għandu jibgħat email fuq [email protected]. Ir-reġistrazzjoni tagħlaq is-Sibt 11 ta’ Ottubru 2014.