L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid” (Lq 10:39). F’din is-sentenza għandna l-iktar messaġġ importanti f’dan ir-rakkont ta’ meta Ġesù mar iżur lil Marta u Marija. Ħa naraw ftit dak li nitgħallmu minn dan ir-rakkont.
Ospitalità u bżulija
L-ewwel nett għandna lil Marta li kienet persuna ta’ ospitalità kbira – lesta tilqa’ lin-nies. Fil-fatt, l-Evanġelju jgħid li lil Ġesù: “laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta” (Lq 10:38). Kienet Marta li laqgħet lil Ġesù. U mhux hawnhekk biss. Meta darb’oħra, f’rakkont ieħor, Ġesù kien ġie għand l-istess familja, meta miet Lazzru, l-Evanġelju jgħid: “Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar” (Ġw 11:20). Ħarġet tilqgħu mhux fil-bieb tad-dar, imma barra d-dar, fil-bieb tar-raħal. Kienet, għalhekk persuna ta’ ospitalità. U kienet ukoll persuna ta’ bżulija, ta’ ħidma kbira, lesta tagħmel dak kollu li hemm bżonn fil-ħajja tal-familja.
Għax kienet daqshekk lesta biex taħdem, tatha ġewwa li meta ġie Ġesù, Marija marret f’riġlejh tisimgħu u ħalliet lilha waħedha biex tagħmel il-ħafna xogħol tad-dar. U għalhekk, ta’ persuna sinċiera li kienet, tilmenta mal-ewwel ma’ Ġesù, u tgħidlu: “M’intix qed tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!” (Lq 10:40) Issa aħna nistgħu nifhmu lil Marta, u nafu kemm hu importanti x-xogħol tad-dar; min jaħdem u jmiddu idu d-dar, u waqt li qed jirsisti, jara lil min qiegħed hemm ma jagħmel xejn u jiskarta, iħossha u jiddejjaq. Nifhmu r-reazzjoni ta’ Marta. Imma Ġesù, flok taha raġun, qalilha: “Int taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex” (Lq 10:41-42).
Ried min jisimgħu
Għaliex qed jgħid hekk Ġesù? Għax Ġesù, meta mar għand Marta u Marija, l-ewwel ma ried kien min jisimgħu. U Marija niżlet f’riġlejh tisimgħu. L-aktar ħaġa importanti ma kinetx biex tara x’irid isir, jew kif se tirranġa l-affarijiet għalih. Hu ried min jisimgħu. Filwaqt li Marija qagħdet tisimgħu, Marta kienet mehdija fil-ħidma – li kienet meħtieġa, imma ma kinetx dak li ried Ġesù dak il-ħin.
Dan hu l-iktar messaġġ importanti għalina li aħna dixxipli tiegħu. Fil-fatt, din ix-xbieha ta’ Marija bilqiegħda f’riġlejh tisimgħu kienet għall-ewwel Insara xbieha ta’ min hu tassew dixxiplu. Insibuha wkoll fil-ħajja ta’ San Pawl, meta jirrakkonta t-trobbija tiegħu, kif kien mar għand Gamaljel, u għandna fl-Atti tal-Appostli l-istess kliem użatt: tħarreġ f’riġlejn Gamaljel (ara Atti 22:3). Dak hu d-dixxiplu. Ġesù qed jgħid li dak l-aktar importanti: l-ewwel irid min jisimgħu, qabel ma wieħed jara x’għandu jagħmel għalih.
Is-smigħ espressjoni ta’ mħabba
Kemm hu importanti għalina, ibda minna s-saċerdoti, imma wkoll għalina lkoll, li niftakru li l-ewwel ħaġa li jrid il-Mulej hu li nisimgħuh. Għalhekk nitolbu, u t-talb ifisser l-ewwel li nisimgħuh qabel nitkellmu; għalhekk ninġabru hawn fil-knisja biex nisimgħu l-kelma tiegħu. Hu meta nisimgħuh li mbagħad jagħtina l-għerf u l-qawwa biex nagħrfu x’hemm bżonn isir u naħdmu għalih. Hemm differenza bejn min jisma’ lilu l-ewwel, imbagħad minn dan is-smigħ jieħu x’għandu jagħmel; u min jaħdem sew għalih, imma bla ma jisimgħu. Għalhekk, niftakru dejjem kemm jiswa li noqogħdu fil-kwiet nisimgħu lill-Mulej. Fil-ħajja hemm ħafna affarijiet li jeħtieġ li nagħmlu, imma fid-dawl tiegħu nagħrfu dak li jiġi l-ewwel, dak li hu l-iktar importanti.
Marbut ma’ dan hemm ukoll kemm hu importanti li aħna nidraw nisimgħu lil xulxin. Kultant hu l-iktar mod kif tħobb, jew l-ewwel mod kif turi tassew li tħobb: li tisma’. Hawn min jaħdem ħafna, u jħabrek, imma mbagħad mhux lest li jisma’. Imma hu meta inti tisma’ lil ħaddieħor, li tista’ tagħraf tagħmel tassew il-ġid. Meta tisma’ lil ħaddieħor, dak li tisma’ jgħinek biex tkun taf kif tagħmel l-aħjar.
Nitolbu lill-Mulej illum jagħtina dan l-ispirtu biex aħna nkunu kapaċi nisimgħu lilu l-ewwel, ħa jurina x’għandna nagħmlu u kif għandna nagħmluh; u flimkien ma’ dan, nitolbuh li nagħrfu nisimgħu ħafna aktar lil xulxin, biex nagħmlu l-aqwa ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta