L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kienu jitolbuh iħallihom imissu mqar tarf il-mantar” (Mk 6:56) Tolqotna mal-ewwel din l-espressjoni “tarf il-mantar”, għax tfakkarna wkoll fi ġrajja li jirrakkuntaw l-evanġelisti; San Luqa jitkellem fuq il-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm, u lil Ġesù, hu u miexi u sejjer jagħmel miraklu ieħor, marret u missitlu “it-tarf tal-libsa” (Lq 8:44).

Meta qed ngħidu “tarf il-mantar”, din kellha sinifikat ukoll fit-Testment il-Qadim. Jekk naraw il-Ktieb tan-Numri, Alla jgħid lill-poplu biex jagħmel il-ġmiemen f’tarf il-mantar biex ikunu jfissru l-liġi ta’ Alla – li huma, meta għandhom dawn il-ġmiemen, iridu jintrabtu mal-liġi ta’ Alla (ara Numri 15:38-39). Għalhekk, li tmiss tarf il-mantar għandu dan is-sinifikat doppju. Hawnhekk qed imissuh biex ifiqu, imma fl-istess waqt li qed imissu hemm dak li tfisser il-liġi ta’ Alla – għaliex Ġesù nnifsu hu Alla li sar bniedem, u fih għandna l-milja tal-liġi ta’ Alla.

Kemm hu sabiħ meta niftakru li dawn in-nies kienu jmorru wara Ġesù, jiġru mal-inħawi kollha biex jiltaqgħu ma’ Ġesù, u hemmhekk isibu fih il-fejqan! F’din is-silta tal-lum, l-enfasi qiegħda fuq hekk: il-fejqan li kien jagħti Ġesù. Kemm meta Ġesù niżel mad-dixxipli mid-dgħajsa, u n-nies marru warajh, imma wkoll meta Ġesù kien imur idur mal-ibliet u l-kampanja, “kienu jqiegħdu l-morda fil-pjazez” (Mk 6:56), u dawk kollha li kienu jmissuh, kienu jfiqu.

Din tfakkarna li l-fejqan hu wkoll parti mill-missjoni tal-Knisja. Issa meta ngħidu “fejqan”, irridu nifhmuh b’mod sħiħ. Hemm il-fejqan fiżiku, imma hemm ukoll il-fejqan emozzjonali, il-fejqan mentali, u fejqan f’diversi aspetti oħra tal-ħajja. Irridu niftakru, għalhekk, li kull min qed jaħdem fil-qasam tal-fejqan – anke l-fejqan fiżiku bħalma huma t-tobba, in-nurses u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-amministrazzjoni tas-saħħa – għandhom missjoni importanti ħafna. U aħna rridu dejjem naħdmu biex immexxu ’l quddiem il-missjoni tal-fejqan. Anke l-fejqan fiżiku – Alla għalhekk ta l-għerf lill-bniedem u tah ukoll l-enerġija, biex jaħdem ħalli, fejn hu possibbli, isib il-fejqan għall-mard. 

Imbagħad hemm ukoll fejqan ieħor; u nixtieq insemmi llum il-fejqan fil-qalb tal-bniedem. Kultant huwa dak li jkun nieqes, u dak li jkun l-aktar meħtieġ: li int ikollok qalbek fil-paċi, u li minkejja d-diffikultajiet tal-ħajja, tista’ tgħix fil-paċi li jagħtik il-Mulej. Għalhekk hu importanti llum li niftakru f’dan: fil-ħtiġijiet tagħna personali, imma wkoll ta’ tant nies, u nqegħduhom quddiem il-Mulej. Speċjalment b’din it-talba: agħtina l-fejqan fil-ħajja tagħna li tfisser li ngħixu fil-paċi, li jkollna l-paċi tal-qalb, li mbagħad nistgħu nxerrduha madwarna. Dak il-fejqan minn ġewwa li ħafna drabi ma tarahx mal-ewwel, imma li hu tant meħtieġ u jkun jidher fil-mod kif aħna nittrattaw lill-oħrajn u nkunu fil-paċi mal-oħrajn.

Irrid insemmi kemm hu sabiħ hawnhekk illum f’din is-silta li dawn in-nies ma kinux jaħsbu biss fihom infushom, il-fejqan li kellhom bżonn huma, imma l-Evanġelju jgħid li “bdew iġorru l-morda fuq l-imtieraħ kulfejn kienu jisimgħu li qiegħed” (Mk 6:55). Kellhom fihom dik il-ħeġġa biex dak li sabu huma – Ġesù li jfejjaq – isibuh ukoll nies oħra li ma kienx possibbli għalihom li jaslu għandu. U għalhekk bdew iġorruhom, bdew jeħduhom għand Ġesù. Kemm hu sabiħ meta niftakru fil-ħajja li mhux biss aħna nsibu f’Ġesù l-fejqan għal ħajjitna, imma li ngħinu lin-nies, ngħinu lill-oħrajn, biex jersqu għand Ġesù! Fejn hu meħtieġ, inġorruhom għand Ġesù, biex fih isibu tassew dak li jista’ jfejjaq il-qalb tagħhom.

Nitolbu llum lill-Mulej, ispirati minn din il-ġrajja sabiħa, biex inħarsu lejn Ġesù dejjem bħala dak li jġib fina l-fejqan, speċjalment fil-qalb tagħna, u biex jagħmilna wkoll ħerqana ħalli nieħdu lill-oħrajn għandu biex fih isibu tassew il-fejqan għall-ħajja tagħhom.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta