L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13:34). Dan il-kliem dwar l-imħabba Ġesù qed jgħidu f’ċirkustanzi verament diffiċli u iebsa. Hawnhekk kien qiegħed fl-Aħħar Ċena, meta mdawwar bit-tnax. Jaf għal xiex dieħel, jaf li wieħed minnhom se jittradih – fil-fatt, din is-silta tibda “kif ħareġ Ġuda” (Ġw 13:31), turi meta Ġuda ħareġ miċ-ċenaklu biex jiftiehem ħalli jittradih – jaf li wieħed minnhom, Pietru, se jiċħdu, jaf li se jabbandunawh; u madankollu, f’dan l-ambjent hekk iebes, flok jirrabja u jurihom kemm jiddispjaċih, jgħidilhom biex iħobbu lil xulxin: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien…” (Ġw 13:34).

Nistedinkom biex nieqfu fuq dan il-kliem u naraw illum x’jgħidilna għall-ħajja tagħna.

Ġesù jgħid li dan hu “kmandament ġdid”. Fil-fatt, huma kienu semgħu minn ħafna snin qabel li Alla jgħidilhom biex iħobbu lil xulxin. Imma sa dak iż-żmien kienu semgħu li għandek “tħobb lil għajrek bħalek innifsek” – jiġfieri li dak li tixtieq għalik, tagħmlu wkoll lil għajrek, u dak li ma tixtieqx għalik, ma tagħmlux lil għajrek. Dan diġà huwa pass kbir. Imma Ġesù jgħid “kmandament ġdid” għax qed jgħid aktar minn hekk. Huwa ġdid għax l-imħabba tiegħu verament iġġedded, iġġib il-ġdid. Imma huwa wkoll ġdid għax hu qed jgħid “bħalma ħabbejtkom jien”. Mhux biss “bħalek innifsek” imma bħalma ħabbna hu. U nafu, jekk inħarsu lejn Ġesù u l-ħajja tiegħu, x’jiġifieri meta jgħid “bħalma ħabbejtkom jien”.

Fil-prattika

Ġesù wriena, mhux bil-kliem biss imma fil-prattika, xi tfisser l-imħabba għalih. L-imħabba tfisser li tixtieq il-ġid u tagħmel il-ġid lill-oħrajn. L-imħabba hija qalb miftuħa għal kulħadd, mhux tagħżel lil min tħobb u lil min tobgħod. L-imħabba tfisser maħfra li ġejja mill-qalb għal min jagħmillek il-ħsara. L-imħabba tfisser servizz umli – fil-fatt, ftit qabel dan id-diskors tal-Evanġelju llum, kien niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu wieħed wieħed, ġest li ħasadhom ilkoll, u qalilhom: “Jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15).

Din hi l-imħabba li wriena Ġesù, li fl-aħħar mill-aħħar tfisser li mhux tfittex lilek innifsek, u kollox idur miegħek u ma’ dak li jinteressa lilek jew jaqbel lilek, imma li tagħti lilek innifsek. Hija l-imħabba li tfisser għotja. “Bħalma ħabbejtkom jien” tfisser li hekk għandna nippruvaw ngħixu tassew dan il-kmandament tal-imħabba tiegħu. Nafu li mhux faċli, imma li dan possibbli bl-għajnuna li jagħtina Alla.

Mal-vulnerabbli

Ġesù wriena speċjalment din l-imħabba lejn in-nies li għaddejjin minn tbatija, dawk vulnerabbli, dawk emarġinati, lejn persuni li kienu jingħataw il-ġenb. Ġesù wriena l-imħabba lejn il-morda, lejn dawk li qed isofru ħafna minħabba l-mard tagħhom.

Verament għandna bżonn li ngħixu din l-imħabba li għallimna Ġesù, li tfisser għożża ta’ kull persuna, u speċjalment ta’ min b’xi mod jew ieħor għaddej minn tbatija u minn żmien diffiċli, biex isib fina, dixxipli ta’ Ġesù, kompassjoni, għajnuna, appoġġ. Dawk it-tliet kelmiet li spiss tkellem fuqhom Papa Franġisku jfissru dan b’mod sabiħ: viċinanza, kompassjoni, tenerezza. Li nkunu viċin l-oħrajn, li naqsmu t-tbatija mal-oħrajn, u nuru fi kliemna u f’għemilna ġentilezza u qalb kbira.

Hi din l-imħabba li tant tagħmel ġid fi żmienna, meta kultant qisu ma jkollniex ħin għall-oħrajn, meta hawn tant nies ibatu minn solitudni u jixtiequ lil xi ħadd jismagħhom, ikun magħhom u jurihom tassew li jħobbhom.

Ma’ min jaħseb biex itemm ħajtu

Meta aħna nħobbu kif qalilna Ġesù – “Bħalma ħabbejtkom jien” – inkunu, bil-preżenza u l-kliem tagħna, nuru lill-persuna li hija tiswa, anke jekk hi f’sitwazzjoni diffiċli. Kemm hu importanti li niftakru f’dal-kliem ta’ Ġesù fi żmienna, aktar u aktar meta f’pajjiżna qed issir diskussjoni dwar jekk għandux ikun hemm il-possibbiltà li persuna li baqgħalha sitt xhur ħajja jew inqas, u tbati b’mard terminali, tkun tista’ tneħħi ħajjitha b’idejha, assistita minn oħrajn.

Li tassisti persuna u tgħinha biex toqtol lilha nnifisha – l-ideja biss tkexkxek. Alla qalilna “la toqtolx”, u mhux aħna s-sidien tal-ħajja, u ma għandna qatt inkunu kompliċi fil-qtil. L-imħabba li wriena Ġesù hi mħabba li turi kompassjoni, kura, tieqaf mal-persuna fis-sitwazzjoni diffiċli tagħha, taħdem biex itaffilha l-uġigħ. L-imħabba vera qatt ma twassal biex tgħin lill-persuna tneħħi ħajjitha, biex toqtol lilha nnifisha.

Għalhekk importanti li niftakru dejjem f’din l-imħabba li jurina Ġesù, u nkunu mdawlin minnha f’dak li ngħidu u nagħmlu, u fil-mod li nwasslu l-għożża tal-ħajja. Anke jekk persuna baqgħalha ftit ġranet ħajja, tibqa’ għażiża għalina. L-assistenza tagħna tkun biex tgħix it-tmiem ta’ ħajjitha mdawra mill-imħabba tagħna, mhux biex tneħħi ħajjitha qabel isejħilha l-Mulej.

Nitolbu lill-Mulej li jagħtina dan l-ispirtu ta’ mħabba tiegħu, ta’ għożża ta’ kull persuna. Ġesù qalilna: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). Nitolbu din il-grazzja li dejjem ngħixu din l-imħabba, u kull fejn inkunu, inwasslu din l-imħabba. Jalla min niltaqgħu miegħu, ikun jista’ jgħid: din hi persuna li verament tħobb, u tħobb kif uriena Ġesù, kif għallimna Ġesù, kif għandha tkun il-ħajja tad-dixxipli tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju