• **

    Direttur:          John Erick Dowdle
    Atturi:             Perdita Weeks, Ben Feldman, Edwin Hodge, Francois Civil, Marion Lambert u Adi Marhyar
    Ħin tal-Film:    93 min
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18
     
    Scarlet Marlowe, studenta żagħżugħa, tissokta x-xoghol ta’ tfittxija li kien beda missierha għal ġebla speċjali, maħluqa mill-alkemist,  Nicholas Flamel, li kellha l-qawwa li metall ta’ valur baxx tbiddlu f’deheb u fuq kollox li tagħti l-ħajja eterna.  Scarlet wara li ssib il-muftiħ maġiku ġewwa għar fl-Iran, tmur Pariġi fejn terġa’ tiltaqa’ ma’ George, l-eks maħbub tagħha li kienet abbandunat ġewwa t-Turkija waqt li t-tnejn kienu qegħdin ifittxu din il-ġebla speċjali. Wara li rnexxielhom jagħmlu traduzzjoni ta’ lapida msemmija Flamel, isiru jafu li taħt it-toroq ta’ Pariġi, kien hemm katakombi b’kilometri  sħah  ta’ mini u għerien. Scarlet jirnexxielha tgħaqqad tim ta’ żgħażagħ esploraturi fosthom Papilon, Souxie, Zed u Benji li lkoll urew il-ħeġġa biex jiskopru dan it-teżor. George ma xtaqx jieħu sehem sakemm inċident ġagħlu jidħol magħhom taħt l-art. Wara xi ftit ta’ tbatija biex jidħlu, il-grupp jiltaqgħu  ma’ Mole li jgħarrafhom li l-uniku triq għal ħruġ huwa li jinżlu l-isfel. Wara xi ftit ħin isibu għar fejn kien hemm midfun wieħed mill-kavallieri Templar, kif  ukoll it-teżor u l-ġebla Flamel. Kien tard wisq meta ntebħu li kienet nasba għal dawk li jirnexxielhom jidħlu hemm. Il-kamra tisfronda u ftit miż-żgħażagħ jisfgħu midruba. X’sejrin  jagħmlu issa hekk kif sabu ruħhom f’din il-qagħda?  Fortunatament Scarlet, bil-ġebla f’idejha jirnexxielha  ssib kif joħorġu minn hemm ġew. Fejn jidħlu,  mas-saqaf isibu tpinġija ta’ bieb bl-istilla njostika ta’ David li kienet tfisser : Kif fuq, hekk ukoll isfel. Meta jidħlu ġewwa jsibu mina fejn kien hemm miktub: “ Min jidħol hawn, jabbanduna kull tama”.  X’kien ifisser dan il-kliem? Minn hawn bdew jiġru ġrajjiet tal-biża’.  Numru ta’ żgħażagh sfaw mejta. X’sejjer jiġri minn dawk li jibqgħu  ħajjin?   

    Film tal-biża’, b’kitba u direzzjoni ta’ John Erick Dowdle u ħuh Drew  li jżommok għal ħafna ħin fuq ix-xwik.  Scarlett Marlowe, żagħżugħa u alkemista, tissokkta l-ħidma li kien beda missierha biex tiskopri ġebla maġika maħluqa minn alkemist Nicholas Flamel fil-Medju Evu. Minħabba l-istorja fiha nfisha kif ukoll vjolenza mdemmija u kliem goff,  ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.