Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Mons Joseph Galea-Curmi

Meta nitkellmu fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, m’aħniex qed nitkellmu fuq possibbiltà ’l bogħod. Diġà tinsab preżenti fid-djar tagħna, fil-postijiet tax-xogħol, fl-iskejjel, fl-isptarijiet, u fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

L-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tgħinna nfejqu, nedukaw, nikkomunikaw u ngħixu b’mod aktar effiċjenti. Iżda, jekk titħalla mingħajr gwida etika, tista’ wkoll iżżid l-inugwaljanzi, tħawwad ir-responsabbiltà, timmanipula l-kuxjenzi, u tnaqqas id-dinjità tal-persuna umana.

Il-Knisja ma tersaqx lejn it-teknoloġija bil-biża’ jew b’attitudni negattiva, imma b’attitudni pożittiva. Tħares lejha b’realizmu u responsabbiltà pastorali. Il-mistoqsija importanti hija dejjem: Din tħares id-dinjità tal-persuna umana, hi għas-servizz tagħha u għall-ġid komuni?

Dan id-dokument li qed jiġi ppreżentat illum jesprimi l-pożizzjoni tal-Knisja f’Malta. Fil-qalba tar-riflessjoni tal-Knisja hemm verità li qatt m’għandha tintesa: it-teknoloġija hija għodda; il-persuna umana hija s-suġġett.

Dan ix-xogħol tal-Knisja fil-kamp tal-Intelliġenza Artifiċjali hu tkomplija tal-missjoni tal-Knisja f’Malta li tikontribwixxi lejn is-soċjetà – fl-istess linja ta’ ħidmiet passati u anke dawk ongoing li qiegħda tagħmel speċjalment fil-qasam soċjali u edukattiv.  Il-ħidma tagħna f’dal-kamp ifittex il-ħarsien tal-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha. Nirringrazzja ħafna lil Rev Dr Jean Gové, Koordinatur Djoċesan għall-AI, tal-ħidma u s-servizz tiegħu f’dan il-kamp.

Din il-policy ma tfittixx li tnaqqas l-innovazzjoni, imma li tumanizzaha. Ma tiċħadx il-progress, iżda tinsisti li l-progress għandu jkun etiku, responsabbli u trasparenti.

Aħna qed ningħaqdu ma’ dak li l-Knisja universali qed tagħmel f’dar-rigward. Insemmi, fost l-oħrajn, il-kontribut tal-Papa u l-ħidma fi ħdan il-COMECE – l-Isqfijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Nawguraw li l-Intelliġenza Artifiċjali tkun ordnata lejn:

  • il-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem, speċjalment ta’ dawk l-aktar vulnerabbli;
  • il-promozzjoni tal-ġustizzja u s-solidarjetà, u mhux tal-esklużjoni jew tal-kontroll;
  • is-salvagwardja tal-verità, il-libertà u r-responsabbiltà;
  • u s-servizz tal-ħajja, il-paċi u l-ġid komuni.

Bit-tnedija ta’ dan id-dokument illum, nistiednu lill-politiċi, lill-iżviluppaturi, lill-edukaturi, lill-mexxejja pastorali, u lil kull persuna ta’ rieda tajba biex naħdmu flimkien sabiex l-Intelliġenza Artifiċjali ssir strument ta’ servizz u mhux ta’ dominazzjoni; ta’ inklużjoni u mhux ta’ esklużjoni; ta’ ħajja u mhux ta’ deumanizzazzjoni.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju