-
-
Nhar il-Ġimgħa li ġej, 20 ta’ Ottubru u s -Sibt 21 ta’ Ottubru 2017, il-pubbliku jista’ jżur il-Kurja tal-Arċisqof il-Furjana biex japprezza x-xogħol artistiku tal-pittur John Martin Borg.
John Martin Borg għażel li din il-wirja tkun b’risq Caritas Malta minħabba l-ħidma ta’ Cartias mal-persuni vulnerabbli u l-foqra. Ix-xewqa tal-artist hi li permezz tal-wirja tiegħu, ikun jista’ jagħti daqqa t’id lil ħidma ta’ Caritas Malta.
Għal din it-12-il wirja b’risq Caritas Malta, l-artist se jesebixxi xogħlijiet varji li ilu jaħdem fuqhom għal dawn l-aħħar snin. Il-wirja se tikkonsisti f’madwar 50 kwadru, il-biċċa l-kbira minnhom bil-water colours kif ukoll xogħlijiet astratti bl-acrylic.
Din hija s-26 wirja ta’ John Martin Borg bħala solo exhibition. L-aħħar solo exhibition tiegħu saret madwar sena u nofs ilu f’Ħaġar Museum, ir-Rabat Għawdex, u kellha t-titlu A Spiritual Perspective, b’dedika lejn it-tema tal-Ħniena.
L-ewwel xogħlijiet li esebixxa jmorru lura għall-1979 fejn l-ewwel wirja saret fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt Valletta. Minn dak iż-żmien baqa’ jtella’ x-xogħol u anke eżebixxa l-arti tiegħu barra minn Malta, b’ħafna xogħlijiet tiegħu jagħmlu parti minn kollezzjonijiet privati u pubbliċi.
Il-Ġimgħa, il-wirja se tkun miftuħa mid-9:00 a.m. sas-7:30 p.m. u s-Sibt bejn id-9:00 a.m. sa 12:00 p.m.
-