• ***

    Direttur: Denis Villeneuve

    Atturi: Amy Admas, Jeremy Renner, Forest Whitaker, Michael Stuhlbarg, Mark O’Brien u Tzi Ma

    Ħin tal-Film: 116 min 

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12A

    Tnax–il vettura  għall-ivvjaġġar fl-ispazju, misterjużi u mlaqqmin “Shells”  jidħru f’diversi nħawi tad-Dinja. L-għan tal-wasla ta’ dawn l-aljeni kien misterjuż u l-ebda pajjiż ma seta’ jbassar x’kienet ir-raġuni tal-wasla tagħhom fid-Dinja. Ma nstabet l-ebda loġika ta’ x’kien hemm wara din l-invażjoni. Il-Militar Amerikan talab l-għajnuna ta’ Dr. Louise Banks, lingwista, biex tmexxi tim speċjali biex jidħlu ġewwa waħda minn dawn il-vetturi li niżlet f’Montana ġewwa l-Amerika.  Louise ntagħżlet minħabba l-kapaċita’ li kienet tippossiedi  fil-lingwi l-aktar fejn tidħol it-traduzzjoni. Kienet ġa magħrufa għal ħiliet tagħha u kellha l-awtorizzazzjoni  mis-Sigurta’ tal-Pajjiż. Biex jgħinuha kellha l-fiżiċist Ian Donnelly u l-Kurunnel Militari Weber. Sadanittant Louise kienet għadha ġġib f’moħħha mmaġini tat-tifla tagħha li kienet mietet ta’ eta’ żgħira  minn marda rari ħafna. Il-missjoni ta’ dan it-tim speċjalizzat kienet l-ewwel kif kienu sejrin jikkomunikaw magħhom u jippruvaw jiddeċifru l-lingwa tagħhom jew il-ħsejjes u s-simboli li kienu jagħmlu; it-tieni biex isiru jafu x’kienet ir-raġuni tal-wasla tagħhom fost il-bnedmin.  Biex jagħmlu dan kien hemm il-ħtieġa li jidħlu ġewwa u jippruvaw jagħmlu kuntatt magħhom. Sadanittant esperti oħrajn mill-ħdax il-pajjiż li wkoll sabu ma’ wiċċhom dawn l-aljeni waqqfu timijet apposta biex jippruvaw huma wkoll jagħmlu kuntatt u jsiru jafu huma l-ħsieb wara din l-invażjoni. Il-wasla ta’ dawn l-vetturi spazjali nisslu paniku sħiħ madwar id-dinja kollha. Għall-ewwel kien hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn il-pajjiżi kollha iżda ċ-Ċina u xi pajjiżi oħra bdew jitilfu sabarhom għaliex il-proċess kien qiegħed jieħu ħafna żmien u bdiet tidhol il-biża’ li wara kollox dawn l-aljeni ma kIenux qegħdin juru riedha tajba biżżejjed.  X’jiġri minn hawn? Minnaħa ta’ Louise kienet baqgħet tittama li ssib soluzzjoni. Tgħid jirnexxielha?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, hu taħt id-direzzjoni ta’ Denis Villeneuve, kitba ta’ Heisserer, u msejjes fuq storja qasira bl-isem: Story of Your Life miktuba minn Ted Chiang. Film b’messaġġi posittivi li wieħed għandu jaċċetta l-fatt li uġigħ tal-qalb u l-inkwiet tal-ħajja jistgħu jwassluk biex tifħem aħjar lilek innifsek u li fiż-żmien in–nuqqas ta’ ftehim li ma naqgħux għall-istint  li mill-ewwel wieħed imur għal konfront għax wara kollox il-bniedem għandu l-kapaċita’ li jikkomunika  u anke jaċċetta kompromessi.