-
-
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) hija mħassba serjament bl-aħbar li l-Enemalta se tinstalla smart meters fil-kmamar illegali fl-Armier. Fl-1 t’Awwissu 2008, il-KA flimkien mal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, fi stqarrija għall-istampa, kienu tennew ċar u tond: “M’għandniex nagħmlu tagħna art li mhix tagħna, u lanqas ma nistgħu nokkupaw kmamar b’mod illegali.” L-istqarrija kienet ħarġet bħala parti minn kampanja biex tinħoloq kuxjenza pubblika fuq aspetti kurrenti marbuta ma’ valuri soċjali u Nsara.
Mhux talli l-awtoritajiet passati u preżenti ma ħadux azzjoni ċara u determinata fil-każ tal-kmamar fl-Armier, talli jidher li issa dawn il-kmamar se jkunu pprovduti b’servizz illi jista’ jirrendihom legali.
Sa mill-1991 kienu diversi l-gvernijiet li ppruvaw jiftiehmu mas-sidien ta’ dawn il-kmamar sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni illegali tagħhom. Imma sfortunatament il-kwistjoni dejjem spiċċat f’ballun politiku bejn il-partiti. L-aħħar kompromess li sar kien fl-2003, meta l-Gvern iddeċieda li dawk il-kmamar illegali li kienu hemm qabel l-1992 (jiġifieri qabel ma kien ippubblikat l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-1992) jistgħu jitħallew bil-barka tal-liġi bħala konċessjoni. L-oħrajn kellhom jitneħħew kif titlob il-liġi. Mhux talli ma tneħħewx talli żdiedu! Iddur kemm iddur u ġġib kemm iġġib argumenti, l-okkupanza illegali ta’ spazju pubbliku, hu fejn hu, tibqa’ serq fid-dawl tax-xemx li jmur kontra l-liġi t’Alla u tal-pajjiż.
Li individwu, hu min hu, jokkupa art pubblika b’mod illegali jew abbużiv, u li l-awtoritajiet jikkondonu tali aġir bħallikieku xejn mhu xejn, huwa insult għal dawk il-Maltin kollha li jagħmlu ħilithom biex jimxu b’mod rett. Wieħed jista’ jimmaġina d-diżastru ambjentali, soċjali, ekonomiku u morali f’pajjiżna li kieku kulħadd jieħu l-liġi f’idejh, u minflokl-awtoritajiet jaraw li kollox jimxi b’mod regolari, jagħmlu bil-maqlub u jagħlqu għajnejhom, jew saħansitra jaġevolaw it-tgawdija abbużiva ta’ żoni sħaħ fil-pajjiż. Fid-diskorsi li jsiru mis-sidien ta’ dawn il-kmamar dwar il-ħarsien tad-drittijiet tagħhom, il-KA tistaqsi: “Min se jidħol sabiex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini li josservaw il-liġi?”
Bħalma għidna wkoll fl-istess stqarrija għall-istampa sitt snin ilu: “il-Knisja trid tkun sinjal ċar u kuraġġuż għaż-żminijiet tal-lum, fejn l-iskala ta’ valuri tħawdet, u ħafna qed ifasslu twemminhom fuq dak li jħossu huma minflok fuq il-prinċipji Evanġeliċi.” Dan qed nirrepetuh għax il-KA tħoss li l-Knisja m’għandha qatt tieħu inizjattivi u toffri servizzi li b’xi mod jistgħu jkunu interpretati li bihom qed tapprova dan il-ksur tal-liġi, anke jekk dan ma jkunx il-każ.
Il-qofol ta’ wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-tagħlim soċjali tal-Knisja huwa l-ġid komuni. Jidher li f’dan il-każ, il-ġid komuni mhux qed ikun meqjus bħala prijorità. Il-KA jisgħobbiha bis-sħiħ li b’dan il-pass, min jista’ u għandu d-dmir jara li art li suppost hi pubblika tibqa’ pubblika, qed jonqos milli jagħmel dan. L-Istat għandu jimxi b’mod ġust f’din il-kwistjoni. F’dan il-każ għandu jara li l-art li qed tkun okkupata b’mod abbużiv tintradd lura. Inħeġġu bil-qawwa kollha lid-Dipartiment tal-Artijiet, ta’ gwardjan denju tal-art pubblika f’pajjiżna, li ma jħallix li jitwaħħlu l-meters imsemmija. Il-KA tappella għall-maturità tal-partiti politiċi sabiex jaħdmu verament għall-ġid komuni u ma jibqgħux ostaġġi tal-kwistjoni. B’hekk nittamaw li tinqata’ darba għal dejjem l-okkupazzjoni illegali u abbużiva tal-art ġewwa pajjiżna.