L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Illum qed niċċelebraw ħafna qaddisin; il-kultura tagħna hi kultura sabiħa li tonora lill-qaddisin, il-festi fil-parroċċi tagħna huma eżempju tal-qima tagħna. Kultant nesaġeraw, ikollna nammettu, imma l-iskop li niċċelebraw il-qaddisin huwa skop sabiħ.

llum filwaqt li nagħmlu festa lill-qaddisin kollha, anke dawk il-qaddisin li kultant inġellduhom, illum għandhom festa waħda, tajjeb niftakru din. Kultant aħna nġelldu lill-qaddisin, illum se niftakkru li l-qaddisin jifirħu b’xulxin u jifirħu bil-ħniena u bl-imħabba li Alla kellu għalihom, u jagħtuh glorja.

Għax wara kollox, meta nsejħu lil xi ħadd qaddis qed nifhmu li daq mill-imħabba u l-ħniena t’Alla. Għalhekk,  San Pawl anke lil dawk li kienu għadhom ħajjin, kien iħobb isejħilhom qaddisin, imma tgħiduli: ‘Ma tantx aħna qaddisin bir-raġġiera, imma l-mistoqsija li nagħmel lili u lilek hi: aħna qed induqu l-l-imħabba u l-ħniena t’Alla u naqsmuha bejnietna?

Għax il-qdusija hi li ssir tixbah lil Alla li hu mħabba u għani fil-ħniena. B’xi mod il-qaddisin — kulħadd bil-vokazzjoni tiegħu u biċ-ċirkostanzi fejn għex — saru messaġġiera tal-imħabba u ħniena t’Alla.

Dawk li fil-faqar spiritwali tagħhom afdaw fil-ħniena t’Alla, issaffew. “Kull min għandu it-tama fih, jissaffa bħalma safi huwa Kristu” (Ġw 7:14).

Ejjew nippruvaw nifhmuha din il-kelma, aħna  kultant nitħabtu mad-dnubiet, mal-vizzji u mad-debbolizzi tagħna u ninsew li Alla l-Missier, jixtiqilna l-aqwa ġid, anke meta jbeżbiżna xi ftit. Fl-istess ħin ma nistgħux naqtgħu qalbna minn Alla li jħobbna. Inti taħseb li Alla li jħobbok mhux se jagħmel minn kollox biex isalvak?

Mhux kemm tgħidlu iva? Mhux kemm tagħmel ħiltek, u jkun hemm rieda tajba fik? Aħna u nagħmlu l-festa lill-qaddisin kollha ejjew nagħmlu ħilitna ħalli nkunu aħna wkoll qaddisin; nies li għandhom togħma sabiħa ta’ mħabba u l-ħniena t’Alla u naqsmuha bejnietna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Apok 7:2-4, 9-14
Salm: 23 (24), 1-6
Qari II: 1 Ġw 3:1-3
L-Evanġelju: Mt 5:1-12a