Bubaqra, Żurrieq
24 ta’ Marzu 2013
Ħuti, kif smajna, llum il-Vanġelu kien ir-rakkont tal-passjoni tal-Mulej, imma aħna qegħdin f’Ħadd il-Palm u allura rridu niftakru li f’dan il-jum Ġesù beda t-triq tal-passjoni. Tajjeb li f’din il-ġimgħa niftakru li l-protagonist huwa Ġesù, imma r-raġuni għaliex bata huwa jien u int. Jiġifieri importanti li dawn il-ġranet ma ngħixuhomx barra minna qiesna qegħdin naraw dramm, imma kull darba li nisma’ parti mill-passjoni, jien irrid ngħid: “Mulej, imma kif tħobbni daqshekk? Imma għaliex int għaddejt minn dan kollu għalija, għal familja tiegħi, għal ħbiebi?” Hekk dak li għamel Ġesù jibda jidħol ġewwa fina u jbiddilna minn ġewwa. Huwa b’dan il-mod li Alla l-Imbierek jixtieq li aħna ngħixu din il-ġimgħa li ġejja.
Imma nerġgħu nirritornaw għal Ħadd il-Palm, u naraw skond il-vangelu kif svolġew l-affarijiet. Sidna Ġesù Kristu ried jidħol ġewwa Ġerusalemm. Kien ikun taċ-ċajt li hu jipprietka fil-Galilija u ma jidħolx fil-belt ta’ Ġerusalemm. Hu kien jaf li se jissogra l-mewt biex jaghmel dan, u propju minn dawk li suppost kellhomli l iktar jilqgħuh. Għandna episodju ħelu. Il-Vanġelu jgħidilna li ikun hemm il-ħmara, hu Ġesù jitla’ fuqha biex jidħol Ġerusalemm. Kemm hi viżjoni sabiha. Ġesù ried li jidħol Ġerusalemm bin-nies miegħu u jifirħu miegħu. Ġesù ma daħalx biex imut allavolja kien jaf li se joqtluh. Ġesù daħal biex jagħtihom il-Bxara t-Tajba li Alla l-Imbierek iħobbhom. Imbagħad, bħala mezz, kellu jħallas permezz tas-salib.
Mela għal Ħadd il-Palm għandna dawn it-tlett ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom.
L-Ewwel ħsieb
Sidna Ġesù Kristu kien jaf li meta se jidħol Ġerusalemm huwa kien se jbati għaliex kienu se jippersegwitawh. Imma Ġesù xorta, b’rieda sħiha, hekk naqraw, b’rieda sħiha baqa’ dieħel ġewwa Ġerusalemm. L-ewwel riflessjoni: kemm hu sabih li quddiem din il-mixja ta’ Ġesù, kull wieħed u waħda minna, jagħmel l-istess deċiżjoni: “Jiġri x’jiġri Mulej, b’rieda sħiha, jien se nibqa’ miexi warajk”. Biex ma nitfixklux, irridu inkunu lesti, biex meta aħna niffaċċjaw it-tfixkil, diġa jkollna r-rieda tagħna soda.
It-Tieni Ħsieb
Naħseb li għalhekk il-Q.T Il-Papa Ġwanni Pawlu kien għamel dan il-jum, il-jum taż-żgħażagħ, għaliex it-tieni ħaġa li ġrat huwa u dieħel Ġerusalemm, kien hemm ħafna ferħ madwaru. Ġeneralment il-ferħ tgħaqqdu maż-żgħożija u naħseb li għalhekk għandna dan il-jum taż-żgħażagħ. Mela Ġesù jieħu gost, mhux biss ma jiddejjaqx, jieħu gost meta aħna anke fil-familji, niċċelebraw il-Mulej Ġesù. Imma Ġesù weġġa’ għaliex kien hemm xi wħud mill-kittieba li suppost jafu iktar, u minflok bdew jiddieħku b’dawk li kienu qed jifirħu b’Ġesù. Għaliex neħduha bi kbira, ħuti, xi drabi mhux aħna wkoll ma niprofessawx lil Ġesù għaliex forsi xi ħadd jidħak bina? Lill-appostli wkoll daħku bihom dawk in-nies, imma xorta baqgħu jemmnu fil-Mulej Ġesù. Il-kelma ta’ Ġesù hi qawwija : anke jekk jisktu dawk l-ilħna tan-nies li kien hemm madwaru, jitkellem il-ġebel. Jiġifieri ara l-Mulej kemm feraħ f’dak il-mument li kien il-mument meta laqgħuh. Ħuti, fil-familji tagħna ejjew nagħmlu laqgħa mal-Mulej li tkun verament ta’ ferħ. Anke fil-liturġija, ngħallmuhom li Ġesù huwa ferħ,u li jien kapaċi nferraħ.
It-Tielet Ħsieb
L-aħħar riflessjoni li nagħmlu hija dwar meta Ġesù ħareġ ħafna diżappuntat. Qabel kien il-Galilija, daħal ma’ l-appostli Ġerusalemm, u nissoponi qal għallanqas hawn dawn in-nies qegħdin jilqgħuni. Imma f’daqqa waħda jinduna li dawn in-nies ma ġewx biex jiltaqgħu miegħu u jifirħu bih imma ġew biex jieħdu xi ħaġa minn għandu, ħalli hu jkun jista’ jeħlishom mill-jasar li kien fih l-poplu Lhudi, l-jasar tar-Rumani. Min jaf lil Ġesù, jaf x’kellu f’qalbu għaliex kien ilu jipprietka x’inhi s-Saltna t’Alla, u għalhekk meta sema’ dan ma setax jaċċettah. Ġesù kien jaf li minn dak li kien ser igħaddi minnu fuq is-salib, kien se jurina l-vera Saltna tiegħu. Kemm hu sabih, ħuti, li aħna nkunu nafu l-Vanġelu għax jekk ma nkunux nafu l-Vanġelu aħna nibdew nivvintaw fuq il-Mulej Ġesù. Min jaf il-Vanġelu u jaf x’qal Sidna Ġesù Kristu ikun jafu verament min hu Kristu, jaċċettah, u jimxi fit-triq warajh.
Din hija t-tagħlima ta’ Ħadd il-Palm; nagħmlu ftit sekondi fil-kwiet biex inħallu l-kelma tiegħu tidħol ġewwa qalbna biex imbagħad nistqarru l-fidi tagħna.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta