Garden of Eden Hall, iż-Żurrieq
4 ta’ Diċembru 2012
Fis-Salm Responsorjali għadna kemm smajna li Alla l-Imbierek iħobb ħafna lil dawk li qegħdin ibatu: dawk li huma morda, dawk li huma fqar u dawk li huma b’xi diżabbilitá. U Alla l-Imbierek mhux biss kiteb bħalma smajna jinqara llum b’mod daqshekk sabih, imma Alla l-Imbierek bagħat lil Ġesù fil-Milied biex jurina dan.
Aħna dalwaqt qegħdin fil-Milied u Ġesù f’ħajtu għallimna ħafna affarijiet sbieħ. Fosthom tafu x’għallimna? Għallimna l-ewwelnett li hu jagħti każ ħafna ta’ dawk il-persuni li jkunu b’diżabbiltá. Tiftakru darba kien hemm wieħed li ma kienx jisma’ u ma kienx jitkellem? U dan resaq lejn Ġesù u kien hemm l-appostli li bdew jippruvaw jimbuttawh lura. U Ġesù, minflok ma mbuttahom, jew skartahom, jew ma tax każhom, qalilhom: “Le, ħalluhom jiġu għandi għaliex jiena nħobbhom ħafna”. Imbagħad wara, dak li għamel hu, qalilna wkoll x’ghandna naghmlu ahna. Ma nafx, forsi xi wħud minnkom jiftakruha din. Darba Ġesù lid-dixxipli u lilna qalilna permezz ta tixbieħa. Qalilna fl-aħħar tad-dinja se jkun hemm dawk li jmorru il-ġenna u dawk li jitfixklu. U qalilna dawk li jmorru l-ġenna, għaliex se jmorru l-ġenna? Għax kien hemm min qiegħed il-ħabs mar jarah, min kien marid mar jarah, min ma kellux x’jiekol, tah x’ jiekol; għallimna biex aħna nagħmlu bħalu. Kemm hu sabih li aħna ilkoll ngħinu lil xulxin, mhux biss il-carers ‘ li jgħinu lilkom. Kemm hu sabih li persuni b’diżabbilita b’xi mod jew ieħor jgħinu lil xulxin.
U allura ftit tas-snin ilu, bħalma tafu, l-ewwel ma deher fil-Knisja kien Monsinjur Azzopardi, u x’għamel Mons. Azzopardi? Kien hemm xi wħud li kienu b’diżabbilitá ma tantx kienu jidhru fis-soċjetá, u Mons. Azzopardi mar ifittxhom u bnielhom dar, id-dar tal-Providenza biex jagħmel kif qalilna Ġesù: meta taraw xi ħadd li qed ibati, mhux tibqgħu mixjin fit-triq, għinuh għax hekk għamel Ġesù.
Ma nafx jekk tafux, din is-sena qegħdin ukoll niċċelebraw ħamsa u għoxrin sena tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabbilitá. Jiena diġa kelli quddiesa magħhom; konna ġewwa Bormla u kellna quddiesa mal-Kunsill biex nirringrazzjaw lil Mulej ta’ dak li qegħdin jagħmlu. X’qegħdin jagħmlu issa, għaliex hija importanti? Għaliex il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilita issa qed taħdem biex anke dawk li huma b’diżabbilita, l-ewwel tibda mid-dinjitá tagħhom, kemm għandhom ikunu maħbubin minna lkoll. Mhux tibda mid-diżabbilitá, imma l-ewwel tibda billi taghraf u twissi li dawn għandhom drittijiet daqs dawk li m’għandhomx diżabbilitá. Allura x’qed tagħmel din il-Kummissjoni? Qed thares kullimkien biex fejn tista’ tgħin ħalli l-persuni b’diżabbilita ikollhom drittijiet daqs dawk mingħajr diżabbilitá, halli b’daqsxejn ta’għajnuna ħalli jkunu jistgħu jilħqu, sa fejn jistgħu jilħqu, u mhux jibqghu lura.
Hu għalhekk aħna qed nagħmlu din il-quddiesa illum. Għalhekk għidtilkom fil-bidu, l-ewwel nagħmluha għall-persuni b’diżabbilitá ħalli huma jkollhom il-kuraġġ, it-tieni nagħmluha għal dawk li qegħdin jgħinuhom b’mod speċjali l-familji għax il-familji l-ewwel li jgħinu lil-persuni b’diżabbilitá. Imbagħad nitolbu wkoll għal dawn il-carers li għandna madwarna u li tant jgħinuna biex aħna nkunu nistgħu naslu fejn ghandna naslu.
Allura jien nieqaf hawn għax inkella indumu ħafna u nitlobkom biex illum verament quddiem Ġesù ngħidulu: Ġesù, tina lkoll il-kuraġġ ħalli nimxu ’l quddiem.