-
Archbishop’s message on the occasion of the transaltion on the feast of the Conversion of St Paul
-
Katidral, Imdina
25 ta’ Jannar 2014Ħuti, aħna matul is-sena niċċelebraw tliet festi ddedikati lil missierna San Pawl. L-ewwel festa hija propju dik li qegħdin niċċelebraw illum, il-konverżjoni; it-tieni festa hija propja għal Malta, in-nawfraġju ta’ San Pawl u fit-tielet festa, aħna niċċelebraw il-martirju ta’ missierna San Pawl; flimkien ma’ San Pietru.
Biss, li hu speċjali huwa li San Pawl hu l-uniku persuna li aħna niċċelebraw l-konverżjoni tiegħu, barra li niċċelebraw il-mewt u l-martirju tiegħu. Dan għaliex din kienet ġrajja li tant laqtet lil San Pawl, li baqgħet immarkata tul ħajtu kollha. Għandna tliet rakkonti differenti tal-konverżjoni tiegħu. Għandna tnejn fl-Atti tal-Appostli, illum fl-ewwel lezzjoni (Atti 9 1-22) qrajna waħda minnhom, u fl-Ittra tal-Galatin li aħna qrajna bħala t-tieni lezzjoni tal-lum. San Pawl iltaqa’ ma’ Sidna Ġesù Krist fit-triq ta’ Damasku, hu hemm seħħet il-konverżjoni tiegħu.
Aħna nagħmlu l-mistoqsija: imma għaliex il-konverżjoni ta’ San Pawl hija daqshekk unika Ir-raġuni hi li l-konverżjoni ta San Pawl kienet opra ta’ Alla l-Missier. Ma kienetx konverżjoni bħal ma tkun ta’ ħafna nies li hawn madwarna, imma Ġesù daħal direttament fl-istorja tiegħu biex hu jħejjih ħalli jkun missjunarju.
San Pawl kien sejjer Damasku biex jippersegwita lill-insara, joqtol minnhom jew inkella jitfagħhom il-ħabs. Fit-triq deher dawl kbir li lil missierna San Pawl. Dak id-dawl ħasdu, u hemmhekk kellu l-ewwel esperjenza ta’ Ġesù. Din hija l-ewwel ħaġa li tgħaġġibna: lil San Pawl, Ġesù nnifsu wasslu għall-konverżjoni. Alla l-Imbierek għamel dan biex il-quddiem, kif smajna fit-tieni lezzjoni tal-lum, San Pawl jkun jista’ jgħid li hu huwa verament appostlu u dan għaliex kull appostlu kellu bilfors jiltaqa’ personalment ma’ Kristu rxoxt. U San Pawl kemm il-darba jgħid: ‘jien ltqajt ma Kristu rxoxt, mela jien appostlu, l-aħħar wieħed, imma wieħed mill appostli li għażel il-Mulej Ġesù għax lili huwa għażilni propju fit-triq ta’ Damasku’.
It-tieni episodju mportatni fil-konverżjoni ta’ missierna San Pawl, huwa l-fatt li biex San Pawl aċċetta dak li qallu l-Mulej, kellu jagħmel att ta’ umiltà. Ħadd minna ma jista’ jersaq lejn il-Mulej jekk mhux bl-umiltà, jiġifieri li nagħarfu l-kobor ta’ Alla, insiru nafuh u ngħarfu fil-kobor t’Alla, il-kobor tagħna, mhux fina imma f’Alla l-Imbierek. San Pawl kellu jgħaddi min din l-istess triq. San Pawl, kif induna b’Sidna Ġesù Kristu għamel żewġ mistoqsijiet lil Alla l-Imbierek. L-ewwel San Pawl kien jgħid u jiftaħar li jaf l-iskrittura u l-liġi Lhudija għax kien studjahom, imma wara l-esperjenza tad- dehra tal-Mulej Ġesù jinduna kemm ma jaf xejn, u għalhekk jistaqsi:
L-ewwel mistoqisja: “min int, Mulej?” Dak li kien jaf il-liġi Lhudija kollha jasal biex jagħmel din il-mistoqsija. Qabel lanqas kien jazzarda jagħmel mistoqsija bħal din għax hu kien mingħalih li jaf kollox. U t-tieni mistoqsija: “xi tridni nagħmel, Mulej?” U l-Mulej bagħtu għand Ħananija għax permezz ta’ Ħananija huwa se jkun jaf il-Mulej x’qiegħed jippretendi minnu. Hawnhekk jidher kif daħal Sidna Ġesù Kristu fl-istorja ta San Pawl, għax għenu biex ikun jista jagħmel dan l-att ta’ umiltà profonda. Forsi waħdu ma kienx jasal, imma meta Kristu daħal fl-istorja tiegħu u hemmhekk ħallih tliet ijiem ma jistax jara – forsi tafu ’l xi ħadd li ma jistax jara kemm irid jiddependi mill-oħrajn – San Pawl għex fl-umiljazzjoni ta’ tlett ijiem jiddependi minn ħaddieħor . Kien Ġesù Kristu li tah din il-grazzja li l-att tal-umiltà tiegħu ikun verament profond.
Naraw ukoll li f’din il-mixja li għamel San Pawl fil-konverżjoni huwa tghallem direttament minn għand Kristu Ġesù. kif jgħid lill-Galatin (Gal 1, 11-24): ‘Jien ma tgħallimtx minn għadn l-appostli l-oħra, jiena mort niltaqa’ ma wieħed minnhom, li kien il-kap tal-Knisja, Kefa u domt ħmistax miegħu. imma l-bqija, dak li naf fuq Ġesù ħadtu direttament minn għand Ġesù”. Tant hu veru li wara l-konverżjoni mar l-Arabja u hemmhekk beda jkun mgħallem mill-Mulej Ġesù. Min jaf xi żminijiet kienu ta’ San Pawl fl’Arabja jaċċetta d-duttrina tal-Mulej Ġesù u l-esperjenza personali tiegħu.
Għalhekk ħuti, qegħdin niċċelebraw din il-festa llum propju ġħaliex kien il-Mulej li għażel lil San Pawl. Hu daħal fl-istorja tiegħu mhux b’kumbinazzjoni, u r-raġuni kienet ovvja għaliex Alla l-Imbierek ried li jipprepara lil San Pawl ħalli mbagħad ikun il-missjunarju, ikun d-dawl tal-ġnus. Hu kien jaf li San Pawl kien diġa mħeġġeġ għal Alla, San Pawl kien diġa mimli bix-xewqa li jkun jista’ jaqdi lil Alla. San Pawl jgħid hu stess li kien jaf il-liġi kollha u l-ħerqa tiegħu kienet kbira, aktar minn ta’ sħabu kollha ta’ mparu.
Din kienet il-konverżjoni ta’ San Pawl, għaliex kultant naħsbu li l-konverżjoni tkun mill-ħażin għat-tajjeb. Fil-każ ta’ San Pawl dak li kien qiegħed jagħmel kien tajjeb, għalih kien tajjeb għax min għalih kien qed jaqdi lil Alla. Jiġifieri il-konverżjoni li ġrat f’San Pawl kienet li din il-ħeġġa li diġa kellu ġewwa fih, din l-imħabba biex jaqdi lill-Mulej, ikun jista’ jittrasferiha fuq Sidna Ġesù Kristu. Il-ħeġġa kienet diġa hemm, il-fatt li jieħu ‘l Alla bis-serjeta f’ħajtu kienet xi ħaġa tiegħu, il-fatt li huwa kien jidħol fil-fond tal-misteru ta’ Alla kien tiegħu. Alla ħa dan l-att ta’ San Pawl u permezz fil-konverżjoni għamlu qaddej den tal-Mulej Ġesù, missjunarju kbir tiegħu.
Illum irridu nirringrazzjaw lil Alla għal din il-grazzja li ta’ lil-Knisja kollha, meta ta lil missierna San Pawl u rridu nirringrazzjawh ukoll għaliex hu stess daħal fl-istorja ta’ missierna San Pawl biex jagħmlu verament appostlu tal-ġnus. Nitgħallmu minnu, ħuti, biex l-konverżjoni tagħna ta’ kuljum issir bis-serjetà. Jiena dejjem nista nikber, dejjem nista’ nikkonverti għal dak li hu iktar tajjeb. Jalla l-Mulej jagħtina l-grazza li aħna wkoll inħallu lil Alla l-Imbierek imissilna qalbna u moħħna ħalli aħna wkoll nkunu nistgħu niftaħru li aħna qaddejja tal-Mulej u ta’ missierna San Pawl.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta