Dar tal-Klarissi, San Ġiljan
20 ta’ Awwissu 2011
Ħuti,
Intom għażiltu l-jum u l-jum huwa marbut mal-Liturġija tal-Ħadd, allura jien se nieħu xi siltiet, mill-Kelma ta’ Alla tal-ġurnata għall-aħwa li sejrin Għawdex. Għax dawn iż-żewġ lezzjonijiet donni rajthom li bihom il-Mulej jaf jipprovdi r-riflessjonijiet tiegħu. Għalhekk jien ħadt siltiet mill-Ittra lir-Rumani u mill-Vanġelu skont S. Mattew u ppruvajt napplikahom għal din ir-realta li qed ngħixu llum.
Fl-Ittra lir-Rumani (11, 33-36) smajna hekk: “Minn qatt għaraf moħħ il-Mulej? Minn qatt kien il-kunsillier tiegħu?” U naħseb dan hu l-misteru ta’ din il-fondazzjoni. Sa fejn naf jien il-Klarissi qatt ma kellhom l-idea bħalma kienet dik ta’ S. Pawl li din il-gżira ħadt ma jaf biha, jiġu jagħmlu fondazzjoni Malta. Min jaf kemm ħassewhom diżappuntati meta l-monasteru li minnu telqu l-ewwel sorijiet għall-Lixandra! Minn jaf kemm ħassewhom iddisappuntati. Iva kif ma wassluniex Lixandra? X’fettilhom jaħasra? Imma l-Mulej ma ħasibx fina? Jaħasra aħna riedna Lixandra, post kbir! “Minn qatt għaraf moħħ il-Mulej? Minn qatt kien il-kunsillier tiegħu?” U din il-fondazzjoni tal-lum li se tibda l-ġimgħa d-dieħla, jekk il-Bambin irid, hija l-kontinwazzjoni ta’ dak l-ewwel att tal-misteru li bih Alla l-Imbierek, kontra l-pjanijiet tal-bniedem, ried li hawn Malta jitwaqqaf anke monasteru tal-Klarissi. Allura kemm hu sabih li – mhux il-pjanifikazzjoni importanti – imma l-misteru li hemm wara l-pjanifikazzjoni. U nixtieq li dan ikun l-ispirtu li bih titwaqqaf din ir-realta ġdida li se jkun hemm ġewwa Għawdex.
Silta oħra mir-Rumani tgħid hekk: “Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih”. M’hemmx għalfejn ngħidu, ġieli rrifletejna fuqu anke bħala sinjal tal-kariżma reliġjuża; il-karima reliġjuża hi bbazata fuq triq speċifika f’dan il-każ ta’ S. Franġisk u S. Kjara li mxiet fuq il-passi ta’ S. Franġisk, imma li jwassal għad-dixxipulat tal-Mulej: “Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih!”
Imbagħad jerġa jkompli S. Pawl u jgħid hekk lir-Rumani: “Lilu l-glorja għal dejjem”. Dan l-aħħar anke meta nkun qiegħed nipprietka, qed ngħid li rridu nagħtu glorja lil Alla l-Imbierek imma l-aktar ħaġa li nagħtuh gost biha, hu meta aħna nsiru l-glorja tiegħu. Mela aħna rridu nagħtuh glorja; il-glorja tfisser grazzji ġodda u jien insir il-glorja tiegħu għax iħares lejja u jara rifless tiegħu. Anke mingħajr ma ngħidlu dak li nagħmel, dak li naħseb, jiena nsir, aħna nsiru, il-glorja t’Alla l-Imbierek. Għax tista’ tagħtih glorja u tibqa’ barra minnek. Il-veru riżultat tal-glorja li nagħtu lil-Mulej hu meta jista’ jħares lejja, jara l-bidla li għamlitli. Jiena meta jkun qed nispjegaha, forsi b’hekk infisser ruħi aħjar, lil-ġenituri ngħidilhom: “Intom meta l-aktar tieħdu gost, bħal Alla l-Missier, meta t-tfal jgħidulek: ‘Ma, Alla jbierek x’libsa sabiha għandek illum,’ jew ‘kemm għandek make up sabih’? Jew meta l-omm tħares lejn bintha u tara r-rifless tal-valuri li hi riedet tpoġġi f’bintha u l-bint issir il-glorja ta’ l-omm li tkun rabbitha?” Din hija l-glorja anke ta’ kull persuna tal-komunuta li jaraw fikom il-glorja ta’ Alla l-Missier. Ovvjament kemm jieħdu gost b’xi mod jew ieħor meta jisimgħu l-kwalita tal-glorja li intom tagħtuh anke permezz tal-frott ta’ l-ispirtu tagħkom.
It-tielet riflessjoni li ħadt mill-Ittra ta’ S. Pawl lir-Rumani hija li ovvjament la darba intom qegħdin hemmhekk intom viżibbli u la intom viżibbli tridu tkunu xhieda. Il-Knisja trid tidher; l-Ispirtu jrid li l-Knisja tkun tidher. Tiftakru meta kien hemm l-ewwel appostli; qabel ma daħal l-Ispirtu kienet Knisja, imma kienet Knisja moħbija. Kif daħal l-Ispirtu bdiet tidher. U jien ħassejt li għandi ngħidilkom b’dawn it-tlett affarijiet: “Il-għana, il-għerf u l-għaqal t’Alla”.
Il-għana: naħseb fil-faqar hu l-aktar għana li intom tistgħu tagħtu lill-oħrajn; il-vojt tal-faqar irid jimtela’ bil-għana spiritwali. Il-għerf: u tafu li l-għerf huwa propju l-kontemplazzjoni.
L-għerf, tafu ħafna aktar minni, il-għerf huwa li tiffissa għajnejk f’Alla l-Imbierek u jagħtik dak li hu tiegħu. Għax il-meditazzjoni hija eżerċizzju pjuttost aktar uman għaliex tuża l-moħħ tiegħek. Imma l-għerf, le. L-għerf, il-kontemplazzjoni hija ħarsa fissa fil-Mulej biex Hu mbagħad ikun jista’ jagħtik.
U l-għaqal: u jien ippruvajt nara x’inhu l-għaqal. Naħseb se jkollkom bżonnu bħal l-ewwel sorijiet li ġew hawnhekk. Fl’ewwel fondazzjoni ikun hemm bżonn ħafna għaqal. Imqar dwar il-kappella; ma nafx, forsi kollox hu lest imma fejn se jkun l-aħjar li nagħmluha? Trid ħafna għaqal. U l-orarju u r-relazzjoni tagħna man-nies. Min jaf issa kemm se jiġu nies warajkom meta f’daqqa waħda jibdew jarawkom hemmhekk u kif se nuża l-għaqal? Allura naħseb dawn it-tlett affarijiet jgħinu ħafna: il-għana, il-għerf u l-għaqal.
Fil-Vanġelu tal-lum (Mt 16, 15-20) għandna dik is-silta li tolqot ħafna lil S. Pietru. L-istess, għandi ftit riflesjonijiet bbażati fuq il-kelma li kellna llum: “Mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan imma Missieri li hu fis-smewwiet”. Hijiex il-kontemplazzjoni? Għax kien sema’ ħafna affarijiet S. Pietru minn għand Sidna Ġesu Kristu, imma araw l-umilta ta’ Ġesu, li faħħru: “għax mhux jien għallimtielek din, din m’għallimtiliekx, huwa l-Missier li għallimielek”. Naħseb dejjem hemm dimensjoni fil-ħajja tagħna li lanqas il-ktieb ma jkun għallimilna imma jkun il-Missier fil-kontemplazzjoni tiegħu li jien inkun nista’ ngħid li hu għallimni personalment; din il-ħaġa nafha mhux għax qrajtha fuq ktieb – kien hemm affarijiet li qrajnihom fuq ktieb – imma din mhux qrajtha fuq ktieb. Din għax l-Missier li hu fis-smewwiet tahieli ġewwa qalbi għax tlabtielu, għax ftaħt qalbi għaliha.
Din l-esperjenza naħseb li trid tiswa għaliex S. Pietru wara din, min jaf kemm għadda esperjenzi bħal dawn anke lill-oħrajn li kienu jiltaqgħu miegħu. Min jaf kemm irrakontaha lill-oħrajn. U ħa ngħid hekk, meta jien inkun qed ngħallem jien nibda ngħid: S. Tumas għallem hekk, S. Bonaventura għallem hekk, bħalma qalu huma, imma min jgħidu? U jibdew jisimgħu x’igħid ħaddieħor. Imma issa jkun hemm ħafna li jistaqsukom: “Imma int, mill-esperjenza personali tiegħek, int min tgħid li hu Ġesu?” U dan huwa l-frott ta’ l-appostolat tagħkom li intom tgħidu fost kulħadd imma b’mod speċjali għall-kariżma tagħkom li se jkun hemm xi wħud jgħidulkom bħalma qal Ġesu: “Int min tgħid li jien?” Forsi meta nagħmel lecture noqgħod insemmi lil S. Tumas u ’l ħaddieħor. Intom ma tistgħux, intom li tridu ssemmgħu, twieġbu għal din il-mistoqsija: “Imma int mill-kontemplazzjoni fis-silenzju min tgħid li hu Ġesu għalik? Ħalli tibda taqsam miegħi l-esperjenza tiegħek”.
It-tielet kelma ta’ Sidna Ġesu Kristu malli ra lil Pietru jgħidlu din il-kelma minn għand Alla l-Missier u ma waqafx hemm. Mal-ewwel tefagħha fuq il-knisja. Mela allura la darba il-Missier tah dik il-grazzja: “Pietru jien din il-grazzja tiegħek se nagħtiha ’l Knisja u int se tkun dak li tmexxiha”. Il-preżenza tagħkom bil-grazzji kollha li jagħtikom, aħna hekk nispjegawha l-ħajja konsagrata: hija don t’Alla l-Imbierek permezz ta’ l-aċċettazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna lil Knisja. Jiġifieri intom sejrin hemmhekk għaliex il-Knisja f’Għawdex bħalma hi l-Knisja f’Malta intom se tkunu fil-qalb tagħha. Bħalma l-Mulej uża din l-istqarrija ta’ Pietru biex tikber il-Knisja għax imbagħad għamlu dak li jmexxiha, hekk ukoll intom.
Jien xtaqt li nagħlaq hekk bis-Salm Responsorjali (S 137) fejn hemm dan il-kliem naħseb tajjeb li żżommuhom magħkom, l-aktar li laqatni minn dan is-salm:
Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;
U, għalkemm fil-għoli jagħraf mill-bogħod.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej tibqa’ għal dejjem.
Din hija t-talba u x-xewqa tiegħi għal din il-fondazzjoni ġdida.
Paul Cremona O.P.
+ Arċisqof ta’ Malta