Fl-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena aħna nerġgħu niċċelebraw Jum il-Ħaddiem, Jum li fiha niftakru fid-dinjita’ tal-ħaddiem, tal-importanza tal-ħidma tax-xogħol fil-bini tas-soċjeta’ direttament u permezz tal-familja, u f’dawk li m’għandhomx xogħol jew dawk li l-qligħ tax-xogħol ma jgħinhomx biżżejjed biex joħorġu  mil-limiti tal-faqar.

Iżda din is-sena fl-1 ta’ Mejju il-Knisja Kattolika se tħares ukoll lejn il-Beatifikazzjoni ta’ Karol Wojtyla, il-Papa Ġwanni Pawlu II. Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien Papa li kien interessat ħafna fil-bini ta’ soċjeta’ umana ġusta, forsi wkoll għaliex daq l-inġustizzji  ta’ soċjetajiet ibbażati fuq sistemi totalitarji fejn il-bniedem, kull bniedem, ma kienx mogħti d-drittijiet umani bażiċi tiegħu. Hu kiteb zewġ Enċkliċi fuq ir-realta’ tas-soċjeta’ biex tkun verament tixraq lill-bniedem li hija magħmula għalih. F’dawn id-Dokumenti huwa fetaħ għajnejn id-dinja ukoll fuq il-Kapitaliżmu Liberali, is-sistema fejn il-qligħ, il-liġi tas-suq, huwa l-ikbar valur u allura d-dinjita’ tal-ħaddiem u tal-bniedem tiġi ssoġġettata  għall-qligħ. Owjament dan kollu ġie muri dan l-aħħar fil-kriżi finanzjarja globali fejn ir-regħba għall-qligħ tal-istituzzjonijiet finanzjarji wasslet għal tant tbatija għal numru kbir ta’ persuni f’ħafna pajjiżi tad-dinja.

ll-messaġġ tal-Papa Ġwanni Pawlu kien dejjem: qiegħdu lill-bniedem, kull bniedem, fiċ-ċentru ta’kull inizjativa, ta’ kull soċjeta’. Huwa għaqqad dejjem dan it-tagħlim mar-rakkont tal-ħolqien fejn id-dinja ssawret minn Alla madwar il-bniedem, magħmul raġel u mara, xbieha ta’ Alla. Min jemmen fi Kristu, irid dejjem jirritorna lejn dan il-prinċipju li għandu jgħinu biex qatt ma jħalli lill-bniedem ikun biss ta’ valur sekondarju għal xi kunsiderazzjoni oħra, ekonomika jew ta’ poter.

Iżda l-Papa Ġwanni Pawlu II kiteb ukoll Enciklika dwar il-Ħaddiem: ‘Laborem Exercens’, jiġifieri il-bniedem li jwettaq il-ħidma tax-xogħol, tal-14 ta’ Settembru tas-sena 1981. Forsi huwa ħass li għandu jiffoka fuq il-ħaddiem anki minħabba l-esperjenza tiegħu personali bħala ħaddiem, fil-Polonja.

Jiena xtaqt li din is-sena nerġgħu niftakru ftit fuq it-tagħlim tiegħu biex ikun is-sies ta’ kull ħidma tagħna madwar id-dinja tal-ħaddiem u tax-xogħol.

“Nixtieq niddedika dan id-Dokument lix-xogħol tal-bniedem, u iktar minn hekk, lill-bniedem fil-kuntest tar-realta’ tax-xogħol…. ix-xogħol huwa  wieħed mill-aspetti, perenni u fundamentali, li hu dejjem relevanti, u jenħtieġ kontinwament attenzjoni ġdida u xhieda deċisiva”. Il-Papa qiegħed jinsisti fuq iċ-ċentralita’ tal-bniedem ħadddiem, u allura fix-xogħol tal-bniedem bħala  l-fus li fuqu tiġi bbażata is-socjeta’. Iżda wieħed jitlob li dan il-prinċipju ma jibqax kelma biss.  Ir-realta’ tal-ambjent tax-xogħol, 1-ekonomija lokali u dinjija, li fiha jrid isir ix-xogħol, qegħda kontinwament jinbidel, u allura qiegħed jitlob li kulħadd biex jagħmel dejjem riflessjoni fuq il-ħaddiem  f’din ir-realta’, biex il-kundizzjonijiet f’din id-dinja teknoloġika, mekkanizzata, jibqgħu jixirqu lill-bniedem li jħaddimhom.

“Ix-xogħol tal-bniedem huwa ċ-ċavetta, probabbilment iċ-ċavettta essenzjali għall-kwistjoni soċjali kollha…”.  “Is-setgħa (dominion) fuq id-dinja tiġi mwettqa fix-xogħol u permezz tax-xogħol… Is-suġġett proprju tax-xogħol jibqa’ l-bniedem, u l-għan aħħari tax-xogħol “huwa dejjem il-bniedem innifsu.

Il-Papa qiegħed jgħidilna hawn li forsi mingħajr ma konna nafu iktar sirna nemmnu fi-istrutturi – politiċi, ekonomiċi u oħrajn – li jifirduna mir-realta’ fejn dan kollu jrid jitwettaq, jiġifieri fid-dinja tax-xogħol, u allura, fil-ħajja ta’ kull ħaddiem. Hawnhekk qiegħed iwissina biex inħarsu lejn 1-effetti tax-xogħol fuq il-bniedem ħadddiem, għaliex il-kundizzjonijiet li jaħdem fihom se jkollhom anki influwenzi fuq is-soċjeta’ kollha. Qiegħed ifakkarna li mhux l-istituzzjonijiet fundamentali għandhom effett fuq il-ħaddiem, iżda rridu nkunu konxji tal-fatt li anki l-ħadddiem, kull ħaddiem, iżda anki 1-ħaddiema kollha, għandhom influss kbir fuq is-soċjeta`.

“Mhemmx dubju li x-xogħol tal-bniedem għandu valur etiku fih innifsu, li huwa marbut b’mod ċar u direttament għall-fatt li dak li jwettqu huwa persuna, suġġett konxju u ħieles, jiġifieri suġġett li jiddeċiedi għalih innifsu”. Hemm it-tentazzjoni li aħna nqisu li 1-affarijiet jimxi weħidhom b’regoli li huma ddettati minn xi influwenzi awtonomi. Il-Papa qiegħed ifakkarna li fil-każ tal-bniedem mhux hekk. Il-bniedem għandu dimensjoni proprja umana, li hija wkoll etika, fis-sens li mid-deċiżjoni li jieħu l-bniedem għandu r-risponsabbilta’ tal-effetti tagħha. Jekk kien hemm il-kriżi ekonomika, dan ġie mill-fatt li kien hemm min ħa deċiżjonijiet ħżiena għal xi raġuni jew oħra. U jekk hemm kundizzjonijiet tax-xogħol li huma ħżiena, dan għaliex xi ħadd għamel deċiżjonijiet żbaljati. U jekk hemm sitwazzjoinijiet ta tbatija fost il-ħaddiema nfushom, dan ifisser li xi wħud qegħdin jieħdu deċiżjonijiet żbaljati.

“il-problema ċentrali tal-etika soċjali hija r-rimunerazzjoni ġusta tax-xogħol li wieħed jagħmel”. “il-proċess sħiħ irid jiġi organizzat u adattat b’mod li jiġi rispettat il-ħtiġijiet tal-persuni u 1-forma ta’ ħajja tiegħu jew tagħha, fuq kollox il-ħajja fil-familja, waqt li tittieħed attenzjoni tal-eta` u s-sess tal-individwi”.

Hawnhekk qiegħed jitkellem fuq ħaġa li hija ovvja, iżda ħafna drabi ninsewha. Il-ħaddiem, u l-eżiġenzi ġusti tiegħu u tal-familja tiegħu, huma l-ewwel kriterji li wieħed irid jikkunsidra biex fl-aħħar jasal biex jitkellem fuq paga ġusta. Ovvjament dan irid jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ kunsiderazzjonijiet oħra, iżda ma jistax jitħalla bħala l-aħħar kunsiderazzjoni għaliex huwa dejjem il-ħaddiem li jbati. Il-Papa jsemmi b’mod speċjali fuq il-persuni li jaħdmu fl-agrikoltura, u għal persuni b’disabilita’, u b’mod speċjali dawk i qegħdin ifittxu 1-asil, li ħafna drabi jiġu sfruttati għaliex m’għandhomx xi organizzazzjoni warajhom li tiddefendihom.

Jitkellem ukoll fuq ir-realta’ tan-nisa fid-dinja tax-xogħol: Huwa xieraq “li n-nisa ikunu jistgħu iwettqu il-ħidmiet  tagħhom fi qbil man-natura tagħhom, mingħajr ma jiġu ddiskriminati u bla ma jiġu esklużi mix-xogħol li kappaċi jagħmlu, iżda wkoll mingħajr nuqqas ta` rispett għall-aspirazzjonijijiet tagħhom fil-familja, u fuq ir-rwol speċifiku tagħhom li jagħtu s-sehem tagħhom, għall-ġid tas-soċjeta”.  Ma jistax ikun hemm insistenza fuq il-gid li joħroġ mix-xogħol, mingħajr ma wieħed jikkunsidra ukoll fil-profond l-effetti li jkollu fuq il-familja. Jekk tkun il-famlija – ħin għal xulxin, ħin mat-tfal, tensjoni kif wieħed ilaħħaq max-xogħol u mal-familja – huma kollha fatturi ġġiegħel lill-familja tbati, u jekk iż-żwieġ u l-familja titkisser, fl-aħħar mill-aħħar hija s-soċjeta’, issa u fil-ġejjieni, li tbati. Qligħ mhux maħseb issa, jista` jfisser anki dannu ekonomiku għall-ġejjieni.

Dawn huma xi ftit ħisibijiet li xtaqt inħalli lill-Papa Ġwanni Pawlu II jerġa’ jfakkarna. Min jaf jekk tkunx okkażjoni biex jiġu studjati iktar mill-fond minn dawk kollha li għandhom interess ġenwin fil-ħaddiema, u allura fis-soċjeta’?

Il-Papa stieden b’mod speċjali lil dawk kollha li jħossu li f’dan kollu jixtiequ li jiġu mmexxijin minn għażla favur Sidna Ġesu’ Kristu, biex jimxi fuq dak li huwa jsejjaħ: “Il-Vanġelu tax-Xogħol” kif ġie muri f’Sidna Ġesu’ Kristu.

Lech Walesa, Ii mexxa is-Solidarnos kien qal: il-kliem tal-Papa Ġwanni Pawlu II: Tibżgħux: biddlu l-wiċċ tal-art, biddlet il-wiċċ tad-dinja”. Jistgħu dawn il-kliem tal-papa ta’ kuraġġ jgħinuna lkoll biex nagħmlu b’mod speċjali lil pajjiżna iktar jixraq lill-bniedem?

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta