Pjazza S. Ġorġ, Valletta
7 ta’ Ġunju 2013
Ħuti, aħna llum qegħdin niċċelebraw l-imħabba ta’ Alla l-Imbierek li dehret fi Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem. U llum qegħdin niċċelebrawha taħt żewġ forom. L-ewwel forma hija l- Qalb ta’ Ġesù, il-Qalb minfuda ta’ Ġesù għalina, u min-naħa l-oħra llum qegħdin niċċelebraw ukoll l-Ewkaristija, il-mitt sena tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali.
Darba kien hemm waħda persuna u qaltli li ma temminx u jien għidtilha: ‘U kieku temmen, kif kont tiddeskrivi lil Alla?’ U qabżet hi u qaltli li Alla hu l-imħabba. Imbagħad erġajt għamiltilha mistoqsija oħra u għidtilha: ‘X’inhi l-imħabba?’ U ma kienetx taf twieġeb. U jien għidtilha li għalina li nemmnu mhijiex diffiċli għaliex l-imħabba tinsab fil-Kotba Mqaddsa biex tingħata lilna.
Qiegħed ngħid din l-istorja biex meta nisimgħu l-kelma t’Alla, l-imħabba t’Alla aħna nkunu kapaċi nistagħġbu fuq din il-kwalita ta’ l-imħabba ta’ Alla. Ħuti, aħna ma nistgħux l-esperjenza personali tal-imħabba nibagħtuha u nagħtuha u għalhekk naqraw il-kelma t’Alla biex iddawwalna biex nifhmu aħjar x’inhi l-imħabba t’Alla.
Ħa nibda mit-tieni lezzjoni li kienet mill-Ittra ta’ S. Pawl (Rum 5, 5-11) u hemmhekk S. Pawl jistagħġeb u jistagħġeb għaliex lanqas id-dnub tal-bniedem ma żamm lil Alla milli jħobbna. Titfakru x’qal S. Pawl! Diġa diffiċli li wieħed jagħti ruħu għal xi ħadd tajjeb imma li wieħed jagħti ruħu għal xi ħadd li huwa bid-dnub, dik hija xi ħaġa li hija kbira ħafna. U allura l-ewwel stagħġib li jrid ikollna hija lejn Alla l-Imbierek li jħobb lilna lkoll anke fid-dnub tagħna meta hu jkun qed jiġbidna lejh biex aħna nsiru bħalu.
Fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Eż 34, 11-16) aħna għandna stagħġib ieħor. F’dik is-silta li qrajna llum minn Eżekjel, aħna rajna kif Alla l-Imbierek iħobb lilna bħala l-poplu tiegħu. Ma jitfixkilx għax aħna nkunu morda anke spiritwalment, ma jiddejjaq għax aħna lkoll limitati, imma l-kliem li aħna smajna kien dan: ‘Jien inkun f’nofskom. U jekk insib xi ħadd li huwa marid, xi ħadd li qed ibati, jiena mhux nibqa’ għaddej imma jien nieħu ħsiebu’. Mela t-tieni stagħġib li aħna rridu nagħmlu, ħuti, hija: nistagħgbu imma kemm iħobbna Alla, lilna li aħna l-poplu l-ġdid tiegħu? Li aħna l-Knisja tiegħu? Hu jaf li aħna limitati ħafna, jaf kemm niżbaljaw, imma xorta jieħu ħsiebna u jgħammar fostna għalhekk it-tieni raġuni għaliex nistagħġbu hija li aħna rridu nistgħagbu għaliex l-Mulej iħobbna tant li jagħtina l-qawwa tiegħu ħalli aħna nkunu nistgħu nwassluha lill-oħrajn bħala.
It-tielet stagħġib li ahna rajna llum huwa l-istagħġib ta’ dik il-parabbola ta’ Ġesù li aħna smajna fil-Vanġelu tal-lum (Lq 15, 3-7), dik il-parabbola kienet tgħid li kien hemm wieħed kellu mitt nagħġa u ntilfitlu waħda, ħalla d-disgħa u disgħin u mar ifittixha. Hawnhekk irridu nistagħġbu u ngħidulu: ‘Mulej, veru li inti tħobbna daqsekk? Wieħed wieħed u waħda waħda?’ Alla ma jħobbnix biss kollha flimkien, imma l-istess imħabba li biha jħobb lil kulħadd, iħobb lil kull wieħed u waħda minna personalment. Tant hi kbira din l-imħabba tal-Mulej li meta jsib mill-ġdid li xi ħadd li kien intilef, bħalma rajna fir-ragħaj li jsib in-nagħġa l-mitlufa, mhux jirrabja għaliha, anzi jifrah biha għax ġiet lura. U r-raġuni hija waħda, ħuti, irridu nemmnu li meta ħalaq kull wieħed u waħda minna, Alla poġġa xrara tal-imħabba tiegħu f’kull wieħed u waħda minna. Hu jrid li jerġa jakkwista dik ix-xrara li hu tana. Għalhekk aħna nagħmlu mill-aħjar biex nippreparaw ruħna biex xi darba nkunu mal-Mulej fil-ġenna għaliex hemmhekk ix-xrara tal-imħabba tiegħu fina tiltaqa’ mal-imħabba li minnha ħarġet din ix-xrara.
L-aħħar stagħġib tagħna huwa dwar l-Ewkaristija Mqaddsa, u hawnhekk ningħaqdu maċ-ċentinarju li aħna qegħdin niċċelebraw. Tafu x’inhi l-Ewkaristija, ħuti. L-Ewkaristija hija l-prolungament, jiġifieri ittawwal, tal-misteri kbar ta’ Sidna Ġesù Kristu. Kważi kważi bil-kemm kemm titwemmen minn dawk li m’għandhomx fidi, għaliex kif jistgħu jkun Sidna Ġesù Kristu, Alla l-Missier, biex ngħid hekk, ikkrea din il-ħaġa biex hu jiġi fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Sidna Ġesù Kristu sar bniedem. Aħna ngħidu li fit-tqarbina Sidna Ġesù Krsitu jsir bniedem f’kull wieħed u waħda minna. Metajien nersaq biex nkun nista’ nircievi l-Ewkaristija, din idd-darba, mhux tingħata lili bħala don biss, imma tingħata lil wkoll bħala grazzja għax-xewqat tagħna.
It-tieni ħaġa li naraw f’Sidna Ġesù Kristu huwa li hu miet fuq is-salib għalina. Hijiex xi ħaġa kbira li Sidna Ġesù Kristu ma ridtx li din tkun għall-bnedmin kollha u mhux għal wieħed wieħed u waħda waħda. Allura l-grazzja li hu qalalna fuq is-salib tingħatha lilna fl-Ewkarisija. Kelma daqsxejn tqila, aħna ngħidu hija t-tiġdid sagramentali, it-tiġdid bħala sagrament tal-fidwa tagħna, ta’ dak li sar fuq is-salib.
Ħa nerġa nfakkarkom fil-qosor dawn l-erbgħa affarijiet biex nistagħġbu bihom.
1. li d-dnub tagħna ma jfixklux lil Alla, jibqa’ jħobbna sakemm nersqu lejh;
2. aħna stagħġibna wkoll b’dak li rajna fil-profeta Eżekjel: kemm Alla jħobb lilna bħala poplu u jgħammar fina;
3. li Alla jħobbna mhux biss bħala poplu, imma jħobb lil kull wieħed u waħda minna personalment;
4. Alla l-Imbierek b’din l-imħabba kollha, ikkrea l-Ewkaristija biex l-imħabba ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun tista’ tidħol ġewwa fina.
Din hija l-imħabba t’Alla, ħuti, li permezz tal-fidi tagħna irridu nwieġbu għaliha bl-imħabba tagħna.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
Ritratt: Photocity, Valletta.