Qrendi

30 ta’ Ottubru 2012

Ħuti, statwa ta’ S. Marija li aħna qegħdin niċċelebraw illum, mija u ħamsa u sebgħin sena, nippruvaw nagħmlu meditazzjoni fuqha ħalli tgħinna nikbru fil-ħbiberija tagħna ma’ Binha.

Kif jibdew l-istatwi?  Ikun hemm komunita,  komunita li jkollha ħafna fidi fil-Madonna u forsi xi ħadd, min jaf min kien, ġieħ l-ħsieb li kieku aħna ngħinu l-fidi tagħna billi jkollna xbieha, allura nistgħu nużaw is-sensi tagħna, narawha biex il-fidi tagħna nkunu nistgħu ngħixuha iktar. Din hi r-raġuni għaliex saret din l-istatwa. Sfortunatament kultant jiġri li minflok ma l-istatwa tgħina biex il-fidi tagħna tikber, għax aħna bnedmin inħallu s-sensi tagħna jkunu aktar qawwijin u kultant l-istatwa issir iktar importanti mill-fidi tagħna.  L-istatwa qiegħda biex tgħinna nersqu lejn il-Madonna.  Mela jien tant xtaqt li tkun l-ewwel meditazzjoni li aħna nagħmlu: ejjew dik il-fidi li biha ta’ qabilna mija u ħamsa u sebgħin sena ilu għamlu din l-istatwa sabiha, aħna rridu nagħtuha l-ħajja, ħuti, mhux lill-istatwa biss imma permezz ta l-istatwa dik il-fidi kbira li ġgħalithom jagħmlu din l-istatwa.

Din is-sena hija s-sena tal-fidi qalilna l-Papa Benedittu u min jaf kieku aħna lkoll din is-sena nagħmlu sforz biex dik l-istatwa tkun att ta’ fidi kull darba?  Ma nieqfux fiha imma jekk hi daqshekk sabiha, nagħmlu pass ieħor: Marija, min jaf kemm int sabiha flimkien ma’ Ibnek fl’eternita.  Ħuduha drawwa, naħseb li diġa tinsab f’ħafna minnkom, ħuduha drawwa, kull darba li tarawha mhux tieqfu fiha, għażlu talba intom lil Madonna, li tridu intom, li tridu intom, imma li kull darba li tersqu lejha tkun att ta’ fidi fil-Madonna li hija rappreżentata propju f’din l-istatwa.  Din hija l-att ta’ fidi.  Hekk inkunu qed niġbru verament l-isforzi li kienu għamlu mija u ħamsa u sebgħin sena ilu dawk li għamlu dik l-istatwa. Inkella nħalluha tfixkilna minflok tgħinna. Mentri dik hija biex tgħin is-sensi tagħna ħalli mbagħad jidħol l-Ispirtu u l-Ispirtu jkun jista’ jara aktar fil-qrib lil-Madonna li aħna tant inħobbu, lil Marija.

Ir-relazzjoni tagħna mal-Madonna għandha żewġ togħmiet u ma rridux ninsewhom. L-ewwel togħma hija li aħna rridu nagħtu glorja lil Madonna. Min jaf  kemm ferrħet il-Madonna f’dawn il-ġranet li intom għamiltulha bħala sinjal ta’ glorja lil Madonna li qiegħda fil-glorja issa flimkien ma’ Binha Ġesu.  U dik hija l-ewwel relazzjoni: nagħtu glorja lil Madonna. Imma mhux biżżejjed biex ngħoġbu lil Madonna. It-tieni relazzjoni hija li aħna insiru l-glorja tal-Madonna! Kull wieħed u waħda minna jsir il-glorja tal-Madonna! Tħares lejja u tgħid: ara kemm Pawlu qed jipprova jersaq lejn Ġesu, lejn Ibni!  Ara ftit, tħares lejna u taraf fija binha jew bintha. Dik hija li aħna nsiru glorja, il-Madonna tibda tiftaħar mhux bl-istatwa issa, għax aħna niftaħru biha, issa tibda tiftaħar b’kull wieħed u waħda minna. Kemm għamilha sabiha S. Pawl fis-silta li qrajna, fl-ewwel lezzjoni!  Aħna l-għarusa ta’ Binha. Il-Knisja l-għarusa ta’ Binha. Kif jista’aħna nkunu għarusa ta’ Binha mingħajr ma nippruvaw li nkunu aktar qrib ta’ Sidna Ġesu Kristu? Ma nistgħux nifirduhom, ħuti, ma nistgħux nifirduhom. U jiena ħsibt, li perez li din is-sena hija s-sena tal-fidi min jaf – tridu tivvintaw intom għax ma nafx kif – min jaf kieku intom din is-sena tgħixuha sena tal-fidi, tghixuha fid-dawl ta’ Sidtna Marija? Għax ma kien hemm ħadd li kellu fidi f’Binha daqskemm kienet Sidtna Marija. Daħħluha din is-sena fil-mixja tagħkom tal-fidi, daħħluha lil Sidtna Marija ħalli hi tmexxina lejn Binha Ġesu, l-ikbar glorja li nistgħu nagħtuha!

✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta