KonKatidral ta’ San Ġwann

1 ta’ Diċembru 2011

Ħuti,

Kieku kelli niddiskrivi lil Isqof Annetto Depasquale kont niddeskrivih hekk: nisrani mgħammed li qeda’ lil Knisja ta’ Kristu, kien saċerdot u kien Isqof. U qed ngħid dan għaliex il-karatteristiċi tal-ħajja nisranija għexhom tul ħajtu kollha. Taħt is-saċerdozju, taħt l-episkopat kont tara din il-viżjoni nisranija li kellu u li mxiet miegħu tul ħajtu kollha. U jiena ħsibt li kieku kien hawn ħdejna ma kienx jiddejjaq li nagħmlu daqsxejn ta’ riflessjoniji fuq il-ħajja nisranija u nħalluh jgħallimna.

Fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 11, 28-44) aħna smajna l-episodju tal-qawmien ta’ Lażżru mill-mewt. U dan il-qawmien ta’ Lażżru mill-mewt ġara għal żewġ dispożizzjonijiet li ħut Lażżru kellhom lejn il-Mulej Ġesu. L-ewwel dispożizzjoni kienet li ħallew lil Ġesu jidħol fin-niket u t-tbatija tagħhom. Tant hu hekk li anke Ġesu tħawwad u beka għas-sogħba ta’ dik il-familja.

It-tieni dispożizzjoni kienet li dawn iż-żewġt aħwa, Marta u Marija, ħallew lil Sidna Ġesu Kristu iwessgħalhom l-orizzonti ta’ dik li hija l-ħajja umana, hekk li wara l-kliem ta’ Ġesu huma setgħu ma jgħalquhiex fil-ħajja li tidher imma setgħu jiftħuha għal ħajja ta’ dejjem.

U jiena naħseb li Mons Depasquale anke dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu tant qawwijin b’mod speċjali f’dawn l-aħħar snin meta huwa għadda minn żmien ta’ mard.  Ħalla ’l Mulej jidħol fit-tbatijiet tiegħu hekk li kull darba li kien jitkellem fuq dak l-episodju qatt ma kont tara xi spirtu ta’ ribelljoni jew mistoqsijiet imma biss il-kelma ta’ min it-tbatijiet tiegħu jgħixhom ukoll mal-Mulej Ġesù li jħallih ikun ħdejh permezz tal-fidi tiegħu. U anke f’dawn l-aħħar snin huwa għex il-marda tiegħu fid-dawl ta’ l-eternità.

Forsi ngħidu li kif ġiet il-mewt fuqu, hasditu.  Jiena ngħid li mhux veru ħasditu għaliex kemm il-darba tul dawn is-snin li jien ili nafu kien jitkellem fuq il-mewt b’paċi sħiha, f’telqa totali quddiem Alla l-Imbierek. Il-mewt kienet xi ħaġa li hu kien iħossha li hija qrib, allavolja l-Mulej tahulna għal dawn is-snin, imma dejjem b’viżjoni tal-ħajja ta’dejjem li kienet ddawwallu anke dawn il-mumenti meta hu kien jaqsam ma’ xi wħud li konna qrib tiegħu din ir-realta tal-mewt li hu kien iħoss li hija qrib.  Allura l-mewt ma ħasditux għaliex hu kien jaf li hemm il-mewt u kien diġa lesta għalija.

Anzi biex naqilbu l-valuri li aħna ssoltu nitkellmu bihom umanament, meta forsi f’okkażjoni bħal din aħna ġo qalbna jkollna li xi ħadd ħalla kollox warajh, jiena ngħid li r-realta ta’ Mons. Depasquale kienet il-kontra: issa ħa dak kollu li ħadem għalih.  Il-kumplament, il-fatt li kien Isqof, il-fatt li kellu dak ir-rispett, kien sekondarju għal dak li aħna nemmnu li qiegħed jirċievi bħalissa.

Fit-tieni lezzjoni tal-lum aħna smajna silta mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin (5, 22-26). San Pawl jgħidilna li fil-Magħmudija, jekk wieħed jiftaħ lilu nnifsu għal-grazzja tal-Magħmudija u tal-Ispirtu li aħna nkunu rċevejna, hemm dawk li hu jseħhilhom il-frott ta’ l-Ispirtu.  U jiena naħseb li Mons. Depasquale dak l-Ispirtu li kien ħa fil-Magħmudija imbagħad ġie kkonfermat fil-Griżma ta’ l-Isqof, u mogħti b’għotja speċjali fis-saċerdozju u fl’episkopat tiegħu. Dan kollu li semmejna f’din is-silta ta’ San Pawl kont tarah propju ġo fih, mingħajr l-ebda sforz fih. L-Ispirtu li ħa fil-Magħmudija baqa jakkompanjah tul ħajtu kollha.

Ejjew niftakru f’xi wħud mill-virtujiet li ngħarfu lil Mons. Depasquale fihom: l-imħabba, is-sabar, ir-rażan, il-ħniena, il-fidi u l-ħlewwa. Tista’ tgħaraf li kien hemm il-grazzja tal-Magħmudija għal mod kif hu qeda l-uffiċċju tiegħu, il-missjoni tiegħu bħala saċerdot u bħala Isqof hawnhekk f’Malta.  U dan minkejja li dan seta’ faċilment, biex ngħid hekk, tilifhom f’żewġ okkażjonijiet li kellu fil-ħajja tiegħu u li kultant ikunu tentazzjoniijiet għalina biex ma nibqgħux ngħixu dan il-frott ta’ l-Ispirtu.

L-ewwel naħseb li hi tentazjoni għalina l-bnedmin huwa l-fatt li int ikollok tant rispett, tkun tant magħruf bħalma kien l-Isqof Depasquale kemm għaliex meta kien jgħallem l-Università, kif ukoll bħala Isqof, u dan kollu lilna l-bnedmin kultant iservina ta’ tfixkil għaliex dak kollu li hu ħlewwa jekk jidħol l-uman fih, dak kollu ma jibqax hemmhekk. Niżżuħajr ’l Alla li f’Mons. Depasquale dak kollu li rċieva bħala frott ta’ l-Ispirtu baqa’ jgħixu anke f’dan il-kuntest.

It-tieni tentazzjoni għalina l-bnedmin, biex aħna dawn il-frott tal-Ispirtu ma ngħixuhomx, huwa meta ngħaddu minn mument li huwa diffiċli. U allura nistgħu ngħidu meta għandek lil Mons. Depasquale li għadda minn xiex għadda propju meta marad, u ngħidha wkoll, għall-umiljazzjoni tiegħu li hu tant xtaq li jkun jista’ jaqdi l-Knisja b’mod aktar qawwi, mod aktar definittiv u din il-marda li kellu li tant indebollixxietu hekk li sata’ jaqdi, biex ngħid hekk, kollox b’sagrifiċċju, b’effort ġo fih innifsu, ma bidlitlux din il-karatteristika tal-frott tal-Ispirtu.  Ilkoll jafu mhux għax hu Isqof u tieqaf hemm imma għaliex Isqof li taħtu kapaċi tħossok li int qiegħed quddiem xi ħadd li huwa nisrani kif xtaq il-Mulej Ġesu.

Ħa nfakkarkom xi smajna fl’aħħar ta’ din is-silta: “Jekk ngħixu bl’Ispirtu, ħalli nimxu bl’Ispirtu; ma nkunux minn dawk li jfittxu l-ftaħir fieragħ”.  Naħseb anke f’din is-silta qasira nistgħu nidentifikaw lil Mons. Depasquale.

U fl’ewwel lezzjoni tal-lum aħna kellna dehra sabiha mill-profeta Isaija (25, 6-10), ta’ dak li għad irid jiġi.  Għandna paragun bejn il-ħajja ta’ hawnhekk li għandha t-tbatijiet tagħha u dak il-mument meta Alla l-Imbierek se jneħħi dawn it-tbatijiet. Tiftakru aħna semmejna f’din is-silta:  mejda b’ikel fin, għandna velu li jgħatti l-ġnus kollha, għandna d-dmugħ ta’ min qiegħed ibati b’xi mod jew ieħor u għandna l-għajb tal-kundizzjoni tagħna ta’ bnedmin dgħajfa u li kapaċi niżbaljaw.  Imma dan kollu, ħuti, jagħmel sens biss għalina l-insara jekk aħna l-ewwel ngħixuhom fiż-żerriegħa tagħhom hawnhekk fuq din l-art li hija art li tillimitana ħafna biex aħna ma ngawdux lil Mulej bħalma se ngawduh fl’eternita imma trid tgħixhom fiż-żerriegħa tagħha fil-bidunett.

Ippermettuli nagħmel daqsxejn ta’ paragun anke f’Mons Depasquale. Semmejna dik l-ikla tal-Mulej li għad iħejjilna u nafu li Mons. Depasquale kellu għatx u ġuħ għall-Mulej. B’mod speċjali l-espressjoni tiegħu kienet fl’Ewkaristija li hu jaf it-togħma minn qabel ta’ dik l-ikla kbira tal-Mulej li se jagħmlilna fl’eternita.  Semmejna l-velu li għad jitneħħa imma l-ewwel trid tgħix il-ħbiberija tal-Mulej fuq din l-art bil-velu bejnek u bejn il-Mulej.  U nafu li Mons. Depasquale kellu xewqa kbira li t-talb tiegħu kemm jista’ jkun il-velu ma jfiklux, xorta taħt velu għax dak narawh biss fl’eternita.  Imma għexu b’din ix-xewqa kbira li t-talb tiegħu ikun kemm jista’ jkun mingħajr velu tal-Mulej qrib tiegħu. Semmejna li hemmhekk jgħaddi l-Mulej stess u jneħħi d-dmugħ minn għajnejna. U naħseb li l-mod kif Mons. Depasquale għex it-tbatija tiegħu kienet diġa togħma ta’ dak li l-Mulej se jagħmel fl’eternita meta d-dmugħ li nxerrdu hawnhekk ma jibqax parti mill-eżistenza tagħna. U hemmhekk smajna wkoll li jneħħi l-għajb.

Jien kont niċċajta miegħu għax hu kien perfezzjonist.  Kull darba li b’xi mod jew ieħor kien ikollu xi ħaġa nieqsa – mhux qed ngħid fil-ħajja spiritwali għax ma tantx kont daqshekk intimu fil-ħajja spiritwali tiegħu – imma fl’affarijiet li kien jagħmel, fil-qadi, u jekk ikun jaf li għamel xi ħaġa u naqasha, kellu dik l-iskrupolożita.  Allura jien qed ngħid li imma b’dan kollu, aħna nkunu kapaċi nagħmlu l-iżbalji. U allura l-Mulej fl’eternita ineħħi l-għajb ukoll li hu bħala bniedem bħalna jista’ jagħmel.

Nixtieq nagħlaq, ħuti, li jekk hemm virtù fih li verament lili tqanqalni, kienet il-fedeltà li huwa kellu fi ħdan il-Knisja . Il-fedeltà li kellu kienet lejn il-Mulej permezz tal-Knisja li hu kjien iħobbha b’imħabba tremenda l-Knisja. Kien iħobb il-Kelma t’Alla u dak li seta’ kien bħala servizz b’mod speċjali anke fejn din tidher permezz tal-liġijiet tal-Knisja.  Imma ippermettuli ngħidilkom, l-aktar li kien jimpressjonani kien għal fedelta tiegħu lejja, li lanqas konna tant nafu lil xulxin qabel, l-uniku raġuni għaliex jiena nzertajt l-Arċisqof f’dan il-mument. Dak il-fatt stess għamlu li l-lealtà tiegħu kienet fedeltà tal-għaġeb. Allura mhux ta’ b’xejn, ħuti, li llum se noħorġu minn hawnhekk u jekk huwa għex din il-fedeltà lejn Alla l-Imbierek, Alla li huwa fidil, fuq kollox nemmnu li għad jagħtih il-ħajja ta’ dejjem.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta