L‑Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar il‑bżonn li l‑Viżjoni 2050 tal‑Gvern għandha tindirizza b’urġenza d‑drittijiet ta’ ħafna ħaddiema f’Malta li mhux qed ilaħħqu mal‑ħajja sal‑aħħar tax‑xahar kif ukoll il‑problema ta’ housing affordabbli.
Huwa qal dan waqt laqgħa mal‑Ministru għall‑Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri li ppreżenta d‑dokument ta’ konsultazzjoni dwar il‑Viżjoni Malta 2050.
L‑Arċisqof laqa’ l‑enfasi li l‑Viżjoni 2050 qed tagħmel fuq il‑kwalità tal‑ħajja, u saħaq li sabiex jintlaħaq dan il‑għan hemm bżonn ta’ miżuri soċjali konkreti. Irrimarka li waħda mill‑isfidi ewlenin taż‑żgħażagħ f’Malta hi li l‑kwalità tal‑ħajja kif inhi bħalissa qed ixxekkilhom milli jibnu familja f’dar li jistgħu jaffordjaw.
Hu enfasizza dwar l-inugwaljanza fil-pagi u kif il‑pensjoni u l-paga fix‑xahar ta’ ħafna nies f’Malta hi daqs kemm jiġu mħallsa xi individwi f’ġurnata waħda biss. Semma wkoll il‑kriżi demografika serja li qed jaffaċċja l‑pajjiż, bir‑rata baxxa ta’ fertilità qed thedded il‑kontinwità kulturali u s‑sostenibbiltà tas‑soċjetà Maltija. Dawn kollha, sostna l‑Arċisqof Scicluna, huma fatturi li qed jikkontribwixxu għal aktar tensjoni fost is‑soċjetà.
L‑Arċisqof Charles Scicluna qal: “Il‑Viżjoni 2050 għandha tieħu ħsieb il‑koppji żgħażagħ u jalla tkun strument ta’ tama u tagħti risposta għad‑diffikultajiet li qed tħabbat wiċċha magħhom is‑soċjetà Maltija. Il‑Knisja hi impenjata tkompli tgħin lill‑Istat għal kwalità ta’ ħajja aħjar, b’mod partikolari fejn tidħol id‑dinjità tal‑bniedem”.
Matul il‑laqgħa, il‑Ministru Silvio Schembri spjega li l‑Viżjoni Malta 2050 tinkludi miri speċifiċi għal għaxar snin oħra. Qal: “L‑identità nazzjonali turi r‑resiljenza tan‑nazzjon. It‑tielet pilastru ta’ din il-viżjoni jelenka l‑fatt li jridu jiżdiedu l‑investimenti sabiex tissaħħaħ il‑kultura u l‑aspetti storiċi.” Il‑Ministru saħaq li l‑kejl tas‑suċċess tal‑pajjiż mhux se jibqa’ jiġi kkalkulat biss fuq il‑prodott domestiku gross (GDP) iżda fuq il‑kwalità tal‑ħajja tal‑persuna.
Preżenti wkoll għal din il‑laqgħa kien hemm l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi Michael Pace Ross, il‑Vigarju Episkopali għall‑Kordinament Pastorali Dun André Zaffarese u l‑President tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi Daniel Darmanin.