-
Nhar il-Ħamis, l-1 ta’ Novembru 2018, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fil-festa tal-Qaddisin Kollha, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fis-6pm. Din il-festa tiġi ċċelebrata mill-Knisja Universali biex l-Insara jagħtu ġieħ lill-Qaddisin kollha waqt li jħabirku biex jimxu fuq l-eżempju tagħhom.
Il-Ġimgħa, 2 ta’ Novembru, Jum it-Tifkira tal-Mejtin Kollha, l-Arċisqof ser jiċċelebra Quddiesa fil-Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid. Il-Quddiesa tibda fl-10:00 a.m. Dakinhar l-Insara huma mistiedna jitolbu għall-erwieħ kollha li marru qabilna bis-sinjal tal-fidi u bit-tama tal-qawmien mill-imwiet, biex bil-ħniena ta’ Alla jitnaddfu minn kull dnub.
-