L-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna wassal appell imqanqal sabiex it-tfal f’Gaża jingħataw l-iktar dritt bażiku fil-ħajja – dak ta’ aċċess għall-ikel.
“L-immaġnijiet tat-tfal innoċenti li qed imutu bil-ġuħ f’Gaża huma akkuża għalina lkoll,” qal Mons. Scicluna.
Mindu faqqgħet il-gwerra bejn Iżrael u l-grupp militanti Ħamas, aktar minn 60,000 persuna nqatlu. Ħafna minn dawn il-persuni kienu Palestinjani li ma kinux suldati filwaqt li numru sostanzjali ta’ persuni kienu qed jistkennu f’kampijiet taf-refuġjati. B’Iżrael jagħmilha ċara li mhux se jieqaf sakemm jiżvojta u jeqred lil Gaża.
The images of innocent children being starved in Gaza is an indictment for us all. Their muffled cries engage our deepest sense of decency. We will not be accomplices in such egregious crimes against humanity. Lord have mercy! pic.twitter.com/085ORzeHYl
— Bishop CJ Scicluna (@BishopScicluna) July 23, 2025
Monsinjur Scicluna qal li “l-għajat imrażżan tagħhom [tat-tfal] jinvolvi s-sens profond tagħna ta’ deċenza. Mhux se nkunu kompliċi f’delitti daqshekk gravi kontra l-umanità. Mulej ħenn!”
Il-kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, id-WHO, qal li Gaza qed tbati “ġuħ tal-massa kkawżat mill-bniedem” minħabba imblokk Iżraeljan għall-għajnuna. Id-Direttur Ġenerali, Tedros Adhanom Ghebreyesus qal f’konferenza tal-aħbarijiet li l-popolazzjoni ta’ Gaza “qed taffaċċja qattiel ieħor, apparti l-bombi u l-balal”.
Id-WHO qalet li “żieda fatali” fil-malnutrizzjoni kkawżat il-mewt ta’ mill-inqas 21 tifel u tifla fl-2025, iżda enfasizzat li din iċ-ċifra x’aktarx li se tiżdied ferm iktar. Iċ-ċentri għat-trattament għall-malnutrizzjoni huma mimlija pazjenti iżda m’għandhomx biżżejjed provvisti.
F’Lulju biss, 5,100 tifel u tifla kellhom bżonn programm ta’ trattament għall-malnutrizzjoni. Madwar 800 minn dawn it-tfal kienu qed isofru severament.
Dwar is-sitwazzjoni f’Gaża kien tkellem il-Papa Ljun XIV li esprima “swied ta’ qalb profond” għall-attakki ta’ Iżrael fuq il-parroċċa Kattolika ta’ Gaża u kien sejjaħ biex “tieqaf immedjatament il-barbarità” fl-Istrippa.
Dawn il-kummeti ġew wara li l-Knisja tal-Familja Mqaddsa ġiet milquta u mietu tlieta mill-madwar 600 ruħ minn Gaza li kienu qed jistkennu hemm, u bosta oħrajn sfaw midruba, inkluż il-Kappillan Gabriel Romanelli. Dan l-attakk ikkawża ħsara wkoll f’żona fejn mijiet ta’ Paletinjani kienu jistkennu mill-gwerra.
Appelli simili kienu waslu wkoll mill-Isqof Awżiljarju, Joseph Galea Curmi fejn ikkundanna l-qtil ta’ persuni innoċenti f’Gaża. Tenna li dan qatt mhu ġustifikat.
Sors: Newsbook Malta