Nhar it-Tlieta, 2 ta’ Lulju 2013, l-Arcisqof Pawlu Cremona O.P. laqa’ lill-Onor Josè Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Kunsilli Lokali, flimkien ma’ uħud mill-membri tal-kumitat responsabbli mill-kampanja ‘Vot 16’. Il-laqgħa saret fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.
Matul il-laqgħa, l-Onor. Herrera spjega li din l-inizjattiva għandha twassal biex żgħażagħ ta’ 16-il sena ikollhom dritt bil-liġi li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., filwaqt li wera l-apprezzament tiegħu għax-xogħol li qed isir, saħaq fuq l-importanza li kampanja bħal din tinkludi wkoll inizjattivi li joħolqu għarfien fost l-adoloxxenti, dwar ir-responsabbilta’ li deħlin għaliha. L-Arċisqof fisser kif, fl-eta’ ta’ 16-il sena, l-adoloxxenti jkunu għadhom ma ffurmawx il-karattru tagħhom u faċli jiġri li jew jibqgħu fil-qoxra tar-Realta Politika bl-għażliet li jagħmlu, jew jiġu manipulati. Filwaqt li stqarr li l-Knisja mhix kontra li ż-żgħażagħ jivvutaw fuq livell lokali fl-eta’ ta’ 16-il sena, l-Arċisqof qal li l-adoloxxenti għandhom jingħataw ukoll linji gwida fuq l-impatt qawwi li l-vot tagħhom jista’ jħalli fuq il-pajjiż.
Dwar l-inizjattiva li semma Monsinjur Arcisqof, iċ-Chairperson tal-Kumitat Vot 16, is-Sur Michael Cohen qal li ser isiru diskussjonijiet mal-amministrazzjoni tal-iskejjel biex dan l-għarfien jitwassal ukoll permezz tagħhom.
Il-laqgħa kompliet f’forma privata.
Ritratti: DOI – Mr. Clodagh Farrugia O’Neill