L-Erbgħa, 11 ta’ Novembru 2009, ġiet inawgurata Dar Jean Varnier, it-tielet dar taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni Nazareth fiż-Żejtun, li tieħu ħsieb persuni b’diżabilita, bla vuċi, emarġinati u vulnerabbli fis-soċjeta. Id-dar ngħatat l-isem wara l-fundatur tal-Fondazzjoni Arche, għaqda internazzjonali għall-persuni b’diżabilita, fost oħrajn. L-Arċisqof Pawlu Cremona inawgura d-dar waqt li qal li hi fiha nnifisha messaġġ lill-Knisja biex tiftakar li l-funzjoni tagħha hi li twassal il-messaġġ t’Alla, messaġġ ta’ mħabba, lil kulħadd, inkluż lil dawk vulnerabbli u li qed ibatu.
L-Arċisqof Pawliu Cremona, f’diskors għall-okkażjoni, qal li l-ikbar unur lil Dun Anġ Seychell, fundatur tal-Fondazzjoni Nazareth, jinġabar fi kliem Kristu meta qal ‘għamilt dak li kelli nagħmel’. Żied li Dun Anġ kellu din il-missjoni li jwassal messaġġ lill-Knisja li Alla ta lill-bniedem għax iħobbu. Qal li permezz ta’ din id-dar, qed jingħata wkoll messaġġ lis-soċjeta – biex kulħadd iħoss il-ħtieġa tal-komunjoni – għaqda bħala poplu wieħed, mingħajr differenzi fl-abilita. L-Arċisqof temm jgħid li wieħed ma jistax ma jammirax il-fatt li f’dawn id-djar fil-kura tal-Fondazzjoni Nazareth, il-persuni b’diżabilita, wieħed qed iħares lejhom bl-għajnejn ta’ Alla. Fuq kollox bl-imħabba.
Il-programm ta’ inawgurazzjoni kien jinkludi tagħrif fuq Jean Varnier, li warajh issemmiet it-tielet dar, hu li hu l-fundatur tal-Arche, l-għaqda internazzjonali għall-persuni b’diżabilita, u li hi mifruxa f’pajjiżi differenti.
F’Malta, intant, il-Fondazzjoni Nazareth, issa għandha t-tielet dar imsemmija għal Jean Varnier u li fiha qed tilqa’ tmien residenti, erba’ rġiel u erba’ nisa. Id-djar l-oħra huma Dar Nazareth, b’disa’ residenti – 5 rġiel u 4 nisa; Dar l-Arċipriet Degabriele, bi tmien residenti, 4 rġiel u 4 nisa; u Dar San Ġużepp Ħaddiem – il-post fejn ir-residenti jagħmlu għadd ta’ ħidmiet ta’ ganutell, suf, ikoni, jam u ħwejjeġ oħra.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]
Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.